Arti esklussiva għall-Ħelsien – One News

Arti esklussiva għall-Ħelsien

Il-Partit Laburista kkummissjona lill-artist magħruf Pierre Portelli biex joħloq tifkira esklussiva għall-erbħin anniversarju minn Jum il-Ħelsien.

Ix-xogħol artistiku ta’ Portelli se jinbigħ f’numru limitat ħafna tant li se jkun hemm biss 250 tifkira nnumerata li se jsiru u jitpoġġew fis-suq. It-tifkira hi magħmula mill-ħġieġ u d-deheb u x-xogħol fuqha sar f’Għawdex u fil-Ġermanja.

Tkellimna mal-artist Pierre Portelli dwar il-ħsieb tiegħu wara t-tifkira li ħoloq  u fisser kif hu ried iżewwaq l-imgħoddi mal-preżent u l-ġejjieni.

“Bħala artist kontemporanju ridt nesplora l-importanza ta’ dan l-avveniment kemm għal dawk li għexu dak iż-żmien importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, kif ukoll dawk iż-żgħażagħ li għalkemm ma kienux twieldu dak iż-żmien, qed igawdu dak li ħadmu għalih ta’ qabilhom.”

Insista li dan ix-xoghol artistiku ma jservix biss bħala memorja imma jibqa sinifikattiv f ’kuntest ta’ dawn iż-żminijiet b’nisga mal-gejjieni. Fuq kollox huwa riflessjoni fuq l-aspirazzjoni ta’ Nazzjon.

“Il-kuncett mnebbah mill-ewwel vers tat-tielet stanza, tal-Poezija/innu li kien kiteb il-Poeta Karmenu Vassallo – Lil Malta f ’jum il-helsien speċifikament għal dan l-avveniment storiku.

IFRAĦ! JUM ĠDID, MALTA, SEBAĦ GĦALIK! F’kuntest ta’ JUM ĠDID ħsibt li rrapreżentazzjoni ta’ RAĠĠ TAX-XEMX, b’ użu  ta’ materjal  fin, tkun il-bażi ta’ dan il-kunċett. Ridt li nibni ħsieb kontemporanju fl-estetika tax-xogħol. Mit-trasparenza tal-materjal sal-ħidma artiġġjanali tal-LABRA RAĠĠ tad-deheb li torbot l-aspirazzjonijiet tal-passat ma dak tal-futur”

Spjega li din hi ħidma li sinifikattiva għax tirrappreżenta lil dawk kollha li ħadmu bis-sħiħ 40 sena ilu imma wkoll tirrappreżenta lil dawk li għadhom jaħdmu mhux sal-lum biss imma ukoll b’viżjoni għall-ġejjieni.

“Viżwalment huwa kunċett poetiku … allura nistgħu naqraw dan ix-xogħol ukoll bħala poeżija,” qalilna Portelli.

L-applikazzjonijiet biex wieħed jakkwista din it-tifkira, li qed tinbigħ bi prezz ta’ €300, issa huma miftuħa miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u wieħed jista’ jmur iħalli depożitu u jassigura li jikseb waħda minnhom fil-ħinijiet tal-uffiċċju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *