“Jekk taraw lil xi ħadd fil-bżonn, ieqfu agħtu l-għajnuna” – żagħżugħ li għen anzjan li ma setax ikompli jsuq – One News

Notifiki

“Jekk taraw lil xi ħadd fil-bżonn, ieqfu agħtu l-għajnuna” – żagħżugħ li għen anzjan li ma setax ikompli jsuq

“Jekk taraw lil xi ħadd fil-bżonn, ieqfu agħtu l-għajnuna”. Dan huwa l-appell ta’ Nico Abela – żagħżugħ li l-għajnuna f’waqtha tiegħu kienet kruċjali biex evitat dak li seta’ żviluppa f’inċident ikrah fit-toroq Maltin.

Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook spjega li meta kien xogħol il-Ġimgħa waranofsinhar, beda jisma’ l-għajjat u t-tpaqpieq ta’ nies li kienu qed isuqu fit-triq. Mill-kameras tas-sigurtà tal-ħanut li jaħdem fih, ra anzjan wieqaf bil-karozza fil-bypass ta’ Birkirkara f’post fejn mhux biss poġġa lilu nnifsu f’riskju, iżda wkoll nies li kienu qed isuqu fit-triq.

Mill-kameras seta’ jinnutah iħabbat rasu mal-isteering f’paniku, u immedjatament ħareġ barra biex jara xi ġralu u jagħtih l-assistenza.

Meta staqsieh għandux bżonn l-għajnuna, bid-dmugħ f’għajnejh qallu li waqt li kien qed isuq marritlu l-vista f’daqqa u ma bediex jara u kellu jieqaf. Barraminnhekk kellu l-mowbajl mitfi u ma setax jagħtih numri tat-telefon ta’ qraba biex iċemplilhom.

Nico offrielu li jsuqu lura lejn id-dar u wiċċu dlonk xegħel u beda jikkalma.

Iż-żagħżugħ tela’ fil-karozza b’attenzjoni minħabba karozzi oħra li kienu għaddejjin b’mod kontinwu viċin il-karozza tal-anzjan, u wasslu lura d-dar.

Spjega li fit-triq beda jitkellem miegħu biex jikkalmah, u x’ħin waslu sab lil martu inkwetata hekk kif l-anzjan kien għadu ma wasalx id-dar fil-ħin li jasal issoltu.

Nico kiteb fuq Facebook li t-tagħlima f’din l-istorja hija li jekk xi ħadd jara persuna li għandha bżonn l-għajnuna, jieqaf minn dak li jkun qed jagħmel u joffri l-għajnuna, għaliex jemmen li kieku m’għamilx dak li għamel, seta’ faċilment seħħ inċident fatali.

Apparti minn hekk qal li affarijiet li għal dak li jkun jistgħu jkunu żgħar, għal ħaddieħor jistgħu jagħmlu differenza kbira.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend