Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella ordnat l-arrest mill-ġdid ta’ Pawlu Farrugia ta’ 35 sena mix-Xgħajra magħruf bħala l-‘Kwattru’ li qed jiġi akkużat flimkien ma’ żewġt irġiel oħra b’bomba fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar 2018.
Huwa ġie kkundanat ukoll sentenza ta’ priġunerija effettiva ta’ 15 il-xahar ħabs, wara li nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqhu f’Awwissu li għadda u forna lill-Pulizija b’dettalji foloz.
Farrugia kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Awissu tas-sena l-oħra mill-Imħallef Antonio Mizzi wara 5 xhur ta’ arrest preventiv. Dan wara li kien ġie arrestat f’Marzu tal-2018 f’operazzjoni mill-iskwadra tal-omiċidji, u ġie akkużat fil-qorti bl-attentat ta’ qtil tan-negozjant Mario Scicluna permezz ta’ bomba mal-karozza tiegħu.
Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Vella rrevokat iż-żewġ digrieti tal-ħelsien mill-arrest ta’ Awissu 2018 u Mejju 2015, ordnat l-arrest tiegħu mill-ġdid, u kif ukoll ordnat lill-imputat iħallas is-somma ta’ €35,000 bħala depożitu u €80,000 bħala garanzija personali. Hija kkundanatu priġunerija effettiva ta’ 15 il-xahar ħabs u multa ta’ €1,150.
Bl-attentat tal-qtil ta’ Mario Scicluna permezz ta’ bomba mal-karozza tiegħu li ma ħaditx kompletament qed jiġu akkużati wkoll Lorenzo Callus u Jonathan Farrugia. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji.