Is-sena li għaddiet kienet sena oħra rekord għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.
Dan joħroġ mir-riżultati ta’ stħarriġ tal-MHRA li juru li għas-sitt sena konsekuttivi pajjiżna kellu rekord fil-wasliet tat-turisti bi prestazzjoni impressjonanti ħafna meta mqabbla mal-aqwa destinazzjonijiet turistiċi simili tal-Mediterran.
L-istħarriġ juri li fl-aħħar tliet xhur tas-sena, l-għadd ta’ wasliet tat-turisti u l-iljieli li qattgħu f’Malta żdiedu bi kważi 10 fil-mija u bi 8.5% rispettivament meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
64% tat-turisti kollha li żaru Malta qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva.
Ir-rapport juri li matul is-sena li għaddiet, it-turisti f’Malta żdiedu b’aktar minn erbatax fil-mija u qarrbu ż-żewġ miljun u sitt mitt elf turist.
Ir-rapport wera wkoll li l-infiq tat-turisti żdied bi tmienja fil-mija.
Il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jaħdem bla heda biex is-suċċess miksub fl-aħħar snin, ma jieqafx hawn:
“Għaldaqstant se naħdmu biex lejn pajjiżna nattiraw turisti li jonfqu aktar flus f’pajjiżna, biex dan iseħħ ma tistax titfi switch tan-numri u tixgħel ieħor jiġifieri rridu nibqgħu nsostnu tkabbir sostenibbli.”
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra esprima sodisfazzjon għar-riżultati miksuba filwaqt li rrikonoxxa l-isfidi tal-ġejjieni.
“Ferħanin ħafna b’dawn ir-riżultati, jekk inħarsu daqsxejn aktar ‘il quddiem jidher li din is-sena jista’ jkun ikollna xi ftit challenges, għandna pajjiżi bħat-Turkija, l-Eġittu, t-Tuneżija dawn reġgħu fetħu u qed jichallengjaw ħafna postijiet mhux lil Malta biss fis-swieq u allura jista’ jkun li challenges li ma kienux hawn is-sena l-oħra, se jkunu hawn din is-sena.”
Sfidi li mistennija jiġu indirizzati u diskussi fi strateġija għat-turiżmu sas-sena 2025.
“Se nkunu qed naħdmu mal-MHRA biex niddeċiedu liema huma n-niċeċ li rridu niżviluppaw, liema rotot ġodda rridu niftħu u kif se ntejbu l-prodott biex nattiraw it-turist ta’ kwalita lejn pajjiżna”
Il-Ministru Mizzi ħabbar ukoll li ġew konklużi l-ewwel disinji għall-proġett ta’ riġenerazzjoni fiż-żona ta’ Paceville u li inizjattivi simili se jkunu qed isiru wkoll fi tmien lokalitajiet oħra fis-snin li ġejjin.