Bħala parti mill-Azzjoni Konġunta Prosafe tas-Sorveljanza tas-Suq dwar cots, travel cots u baby carriers, id-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ittestjat numru ta’ cots u baby carriers minn fuq is-suq lokali.
Riżultati minn laboratorji akkreditati urew li dawn il-prodotti li ġejjin jimponu riskju serju fuq il-konsumaturi u t-trabi.
Il-Baby Go-Sleeper changing table (pr190547a) mhijiex konformi mal-istandard applikabbli (EN 12221-1:2008+A1:2013) peress li l-wisa’ u t-tul taċ-changing unit huma iżgħar minn dawk meħtieġa mill-istandard. Barra minn hekk, iċ-changing table u l-cot waqgħu matul it-test speċifikat fl-istandard u l-funzjoni tal-kampjun kienet imxekkla.
Il-BabyGo-Sleeper travel cot (pr190547a) mhijiex konformi mal-istandard applikabbli (EN 716-1:2017) minħabba numru ta’ toqob u fetħiet fl-irkejjen tal-cot, bejn id-drapp u l-qafas u bejn l-għatu tat-tessut u l-istruttura tal-cot fuq kull naħa tal-għatu aħdar tat-tessut. Barra minn hekk, fuq in-naħa ta’ barra tal-cot, hemm but li fih riskji li tinqabad ras it-tarbija. Apparti dan, il-mekkaniżmu tal-cot li jintrewa, jinħall meta tiġi applikata l-forza skont kif stipulata fl-istandard.
L-Infantino-Swift baby carrier (pr190547b) mhijiex konformi mal-istandard applikabbli (EN 13209-2:2015) minħabba nuqqas fit-test tad-durabilità skont kif stipulat mill-istandard. Il-baby carrier inkiser meta ġie ttestjat bit-tagħbija speċifikata fl-istandard wara li saru inqas minn terz taċ-ċikli meħtieġa mill-istess standard.
Il-Clippasafe-Carramio baby carrier (pr190547c) mhijiex konformi mal-istandard applikabbli (EN 13209-2:2015) minħabba nuqqas fit-test tad-durabilità skont kif stipulat mill-istandard. Il-baby carrier inkiser meta ġie ttestjat bit-tagħbija speċifikata fl-istandard wara li saru inqas minn nofs iċ-ċikli meħtieġa mill-istess standard.
Dawk il-konsumaturi li xtraw dawn il-prodotti għandhom joqogħdu lura milli jużawhom u jieħduhom lura għand minn xtrawhom.
L-operaturi ekonomiċi għandhom ineħħu dawn il-prodotti minn fuq is-suq u jibgħatuhom lura lill-fornitur tagħhom. Tittieħed azzjoni ta’ infurzar kontra dawk l-operaturi li jinstabu li jipprovdu dawn il-prodotti lill-konsumaturi waqt spezzjonijiet futuri.
Wieħed jista’ jikkuntattja l-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt għal aktar informazzjoni jew għal kwalunkwe mistoqsija dwar din il-kwistjoni.