Jordan Azzopardi ta’ 29 sena li jgħix f’residenza lussuża fil-Madliena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kien il-moħħ wara t-traffikar ta’ droga eroina u kokaina li kien qed isir minn bosta lokalitajiet fejn saru bosta rejds mill-pulizija fl-aħħar xhur.
Huwa tressaq il-Qorti flimkien ma’ Mario Abdilla ta’ 66 sena mill-Belt u mara ta’ 30 sena minn Bormla li isimha ma jistax jixxandar peress li hi omm ta’ 5 itfal.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija żvelaw ma’ One News li kellu jkun kelb żgħir tar-razza Pomeranian, li wassal lill-investigaturi biex wara erba’ tentattivi, jarrestaw lil Azzopardi, li skont informazzjoni li għandu ONE NEWS kien iħobb iqis lilu nnifsu bħala l-‘El Chapo’ ta’ Malta.
Kien post traskurat fuq Facebook, fejn Azzopardi kixef lilu nnifsu li tilef il-kelb fl-inħawi tax-Xemxija u li kien qed joffri premju ta’ 5,000 ewro għal min isibu, li wassal lill-investigaturi biex ifittxu għalih fiż-żoni tax-Xemxija, San Pawl il-baħar, il-Madliena u l-Wardija.
Azzopardi, li sa 48 siegħa ilu l-‘most wanted’ fuq il-lista tal-Pulizija Maltija, minħabba l-kwantità ta’ rapporti dwar l-organizzazzjoni kriminali li rnexxielu jibni, fuq medda ta’ 4 snin, u f’eta’ daqshekk żgħira.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li Azzopardi, li ma jaħdimx kien jiġri b’karozza ta’ €100,000 bi pjanci ‘Jordan TwentyThree’ minħabba l-fissazzjoni tiegħu fuq il-leġġenda tal-basketball amerikan Michael Jordan.
Qalu li l-Malti kien tela’ fuq ir-radar tas-servizz sigriet Taljan, li segwewh f’laqgħat f’Napli ma’ esponenti tal-Camorra, fejn kien allegat li kien qed jinnegozja fuq flus foloz.
Jordan Azzopardi diġà għandu każ pendenti dwar flus foloz wara li sena ilu kien inqabad flimkien ma’ tfajla u ġuvni ieħor jagħmlu ħerba f’għawdex b’xiri ta’ għadd ta’ prodotti minn ħwienet bi flus foloz.
Dakinhar tal-arrest tiegħu, Azzopardi nstab b’pitazz b’lista tal-ħwienet kollha f’Għawdex minn fejn kien xtara affarijiet bil-flus foloz.
Iżda l-qofol tal-intrapriża kriminali li xegħlu l-bozoz ħomor tal-pulizija, kien it-traffikar ta’ droga, fejn Azzopardi rriżulta li kellu madwar 40 ruħ bil-paga, jmexxulu d-droga madwar il-pajjiż, b’sistema ta’ manifattura u pproċessar ta’ qratas ta’ kokaina, crack u eroina minn diversi appartamenti mifruxa f’bosta lokalitajiet.
Ingħad li ħafna mill-propjetajiet kienu mgħammra b’kameras, imbarrati b’bibien tal-ħadid u ħitan foloz, li jispjegaw il-ħidma kbira li saret mill-Pulziija fir-rejds riċenti f’Birkirkara, fil-Blata l-bajda, fil-Marsa u oħrajn.
L-aċtu li nstab fil-postijiet kollha jgħaqdu l-mamma tal-organizzazzjoni għaliex il-prodott kien identiku f’kull post fejn saru ir-rejds, u kien jintuża biex id-droga tkun mitfugħha ġo fih fil-każ li l-Pulizija jirrejdjaw u jeqirdu l-provi kollha.
Iżda minkejja l-isfida tiegħu lill-awtoritajiet, fejn żgiċċa għal erba’ darbiet in fila, ix-xorti tiegħu sfumat bil-post tal-facebook wara li tilef il-kelb, fejn sabuh f’residenza lussuża mikrija għal 4000 euro fix-xahar u bi drive twila fejn kien mingħalih faċli li ma jagħtix fil-għajn.
Il-każ ta’ Jordan Azzopardi hu l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għan-network kriminali li bena, u li ghalih issa qed jaffaċċja proċeduri kriminali serji, fosthom traffikar ta’ droga, ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u kriminalità organizzata.