Ħidma oħra mill-Pulizija fl-aħħar sigħat wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 45 sena mill-Belt iżda li joqgħod Ħaż-Żebbuġ wara li l-Ħamis filgħaxija nqabad bi b’aktar minn 15-il kilo droga lesta biex tiġi ttraffikata.
Il-Pulizija qalet li d-droga nstabet fi tfittxija li saret f’karozza li kien qiegħed isuq ir-raġel stess fil-Belt. Irriżulta li fil-karozza nstabu kważi 15-il kilo tal-pjanta kannabis, kollha jew parti minnha, lesta għall-bejgħ. Tfittxijiet ulterjuri li saru fir-residenza tal-istess individwu f’Ħaż-Żebbuġ wasslu fis-sejba ta’ iktar droga fosthom 300 gramma ta’ raża tal-kannabis, 80 gramma kokaina u aktar kannabis.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta Maġisterjali. Ir-raġel ser jitressaq taħt arrest is-Sibt quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Stafrace Żammit akkużat bil-pussess mhux għall-użu personali tal-istess mediċina perikoluża.