Aġġornat: 49 jinqatlu f'żewġ attakki f'moskej fi New Zealand | One News

Notifiki

Aġġornat: 49 jinqatlu f’żewġ attakki f’moskej fi New Zealand

Minn tal-inqas 49 persuna nqatlu fi sparatura li seħħu f’żewġ moskej f’Christchurch fi New Zealand.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern iddeskriviet dan bħala wieħed mill-iktar jiem koroh tal-pajjiż.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Mike Bush qal li tliet irġiel u mara jinsabu fil-kustodja tal-pulizija, iżda wissa li jista jkun hemm iktar suspettati li għadhom ma nqabdux.

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li wieħed minn dawk arrestati kien ċittadin Awstraljan. Huwa ddeskrivih bħala terrorista vjolenti u estremista lemini.

Xhieda fuq il-post qalu lill-midja lokali li ġrew għal ħajjithom u raw nies bid-demm mal-art quddiem il-moskea Al Noor.

Il-pulizija emfasizzat li s-sitwazzjoni kienet għadha qed tiżviluppa u għadha ma kkonfermatx kemm inqatlu nies.

Intant hekk kif wieħed mill-aggressuri kien qed ixandar b’mod dirett fuq il-midja soċjali l-attakk terroristiku ġewwa l-moskea permezz ta’ camera mqabbda miegħu, il-filmat juri wkoll wiċċu.

L-awtoritajiet avżaw biex il-moskej kollha fil-belt jingħalqu għalissa, hekk kif dan l-attakk kien deskritt bħala att ta’ vjolenza bla preċedent.

Fuq Twitter, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li l-ħsibijiet ta’ Malta jinsabu mal-familji u l-ħbieb tal-vittmi f’Christchurch.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend