Raġel ta’ 29 sena mill-Qawra u ieħor ta’ 66 sena bla residenza fissa flimkien ma’ tfajla ta’ 30 sena minn Bormla ġew arrestati b’rabta mad-diversi rejds li saru f’residenzi fil-Madliena u f’San Pawl il-Baħar.
Fit-tfittxijiet li saru, instabu ammonti tad-droga tal-kannabis, kokaina, imwieżen elettroniċi, flus foloz u arma tan-nar mhux liċenzjata.
Skond investigazzjonijiet mill-Pulizija fl-aħħar xhur jidher li l-ġuvni ta’ 29 sena kien il-moħħ wara t-traffikar tad-droga eroina u kokaina f’diversi lokalitajiet.
Ir-raġel ta’ 66 sena u t-tfajla ta’ 30 sena mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa C. Galea.
Intant il-ġuvni ta’ 29 sena qed jiġi akkużat bi traffikar u pussess tad-droga kokaina, eroina u l-kannabis, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar, li kkaġuna feriti gravi fuq terzi persuni u li qiegħed fiċ-ċirkolazzjoni flus foloz. Dan filwaqt li qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja.