Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-pestiċidji fl-uċuh tar-raba’ f’pajjiżna. Dan bil-għan li jintużaw b’mod aktar sostenibbli mingħajr detriment għal bidwi u għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Malta għall-ħames snin li ġejjin tnieda f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarji Parlamentari Clint Camilleri u Deo Debattista.
Il-pjan se jitfassal fuq l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika li se tiffoka fuq l-użu korrett tal-pestiċidi u biex ikun hemm raba’ ddeddikat kollu għall-biedja organika.
Id-Direttur għad-diversifikazzjoni u l-kompettività fil-biedja Noel Azzopardi tkellem dwar bosta benefiċċji marbuta ma’ dan il-pjan.
“Hu jkun qed jigwadanja, għax qed jieħu l-istess riżultat imma qed jiffranka l-flus għax mhux qed juża eċċessivita’ ta’ prodott,” qal Noel Azzopardi.
L-inġinier Helga Pizutto, Chairperson tal-awtorità għad-Drittijiet tal-Konsumatur qalet li l-pjan se jeduka lill-bdiewa biex japplikaw pestiċidi fuq l-uċuh tar-raba’ tagħhom b’kontroll u b’hekk jiffrankaw il-flu għax inaqqsu mill-bexx żejjed jew li ma jkunx hemm bżonn.
“Diġa qed jiffoka fuq numru ta’ setturi li issa se nkomplu nibnu fuqhom bħal edukazzjoni tal-bdiewa, metodi alternattivi għal pestiċidji u prodotti fuq is-suq available għal bdiewa,” qalet Helga Pizzuto.
L-inġinier Pizutto qalet li diġà saru bosta laqgħat ma’ għaqdiet tal-bdiewa u nies li jaħdmu fis-settur u matulhom inġabru l-esperjenzi tal-bdiewa u tal-konsumatur.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Clint Camilleri qal li l-Gvern se joffri faċilita’ fl-Għammieri biex il-bdiewa jikkalibraw il-pompi tal-bexx tagħhom. Ħabbar li l-Gvern qed jinnegozja biex il-bdiewa Maltin jibbenefikaw iżjed mill-miżuri tal-Unjoni għas-sena 2020.
“Il-miżuri li jkunu jistgħu jinħarġu jkunu addatati ukoll għas-sitwazzjoni tagħna li hi ferm differenti minn ta pajjiżi oħra, għelieqi żgħar, bdiewa b’prattika differenti u klima differenti,” qal Noel Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet tal-konsumatur Deo Debattista qal li l-Gvern ħass li jġedded dan il-pjan għall-fatt li l-konsumatur hu ħafna aktar konxju tal-kwalità tal-ikel li jiekol u tar-riskji fuq saħħtu u l-ambjent