Ryanair b'destinazzjonijiet ġodda mix-xitwa li ġejja | One News

Notifiki

Ryanair b’destinazzjonijiet ġodda mix-xitwa li ġejja

Mix-xitwa li ġejja, l-linja tal-ajru Ryanair ser iżżid ħmistax-il rotta mar-rottot li għandha preżenti.  Dawn id-destinazzjonijiet  li ser ikunu qegħdin joperaw minn Ottubru li ġej sa Marzu tas-sena d-dieħla, ser jibdew joperaw darbtejn fil-ġimgħa f’ibliet bħal Lussemburgu, Cork u Osla; mentri d-destinazzjoni lejn Ruma ser tkun qed topera kuljum.

Għall-ewwel darba, l-istess kumpanija ser topera żewġ rottot ġodda f’żewġt ibliet- Paphos f’Ċipru u Santiago fi Spanja.

Apparti l-introduzzjoni ta’ bliet ġodda, l-linja tal-ajru ser testendi s-servizzi tagħħa f’Amman, Billund, Cardiff, , Exeter, Lamezia, Maastricht, Nante, Oslo, Perugia, u Thessaloniki.

Din iż-żieda fir-rottot li b’kollox jgħaqdu bejniethom disgħa u ħamsin rotta ser iwasslu għal żieda fit-traffiku tal-ajru li ser tlaħħaq mas-sittax fil-mija; ekwivalenti għal żewġ miljun u disa’ mitt elf passiġġier fis-sena.  Dan kollu ser ikun qiegħed isostni aktar minn elfejn u mitt impjieg fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ma’ One News, Chiara Ravara li hija uffiċjal mill-kumpanija Ryanair  spjegat kif din iż-żieda fir-rottot ser tkun qed tagħti aktar opportunitajiet lill-Maltin sabiex jagħżlu minn fierxa wiesgħa ta’ destinazzjonijiet ġodda f’21 pajjiż differenti:

“We are going to have a traffic increase in malta ta’ 2.9m increase of 16% compared to last year- we have been committed to Malta tourism year round we connect Malta to 21 countries and one is brand new to Paphos,” qalet Ravara.

Apparti ż-żieda fir-rottot, Ryanair nediet servizz ġdid Ryanair Choice fejn passiġġieri li jivjaġġaw b’mod frekwenti ser ikunu jistgħu iħalsu miżata ta’ darba u jkunu intitolati għal siġġu fuq l-ajruplan b’xejn kif ukoll ikollhom aċċess aktar kmieni biex jirkbu l-ajruplan. Barra minhekk, sabiex il-kumpanija tiċċelebra din iż-żieda fir-rottot għall-iskeda tax-xitwa li ġejja, il-kumpanija qed toffri traħħis sostanzjali fil-passaġġi għal btajjel matul April u Mejju.

Il-Ministru Konrad Mizzi jilqa’ l-investiment tar-Ryanair

Mitlub jikkumenta, l-Ministru Konrad Mizzi qal li l-kumpanija qed tistma li ġġorr mat-3.1 miljun passiġġier kull sena. Dan wara investiment ta’ madwar €100 miljun li sar mill-kumpanija Ryanair biex ibbażat ajruplan ieħor f’Malta. Huwa stqarr li bl-imsemmi investiment, il-kumpanija se jkollha s-sitt ajruplan tagħha ibbażat hawn Malta li fi kliemu stess “dan jixhed l-impenn kontinwu ta’ Ryanair lejn Malta.”

“Din l-aħbar hija sinjal qawwi ta’ popolarità kontinwa li Malta bħala destinazzjoni qed ikollha u l-fiduċja f’Malta bħala destinazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku” sostna l-Ministru Mizzi

Dr Konrad Mizzi qal li dan jikkumplimenta l-aħbarijiet ta’ ċifri pożittivi li rreġistra pajjiżna din il-ġimgħa, fejn ċifri nazzjonali tal-istatistika wrew kif għal darb’oħra Malta rreġistrat żieda fl-ammont ta’ turisti f’Jannar u fl-ammont ta’ ljieli li tqattgħu minn turisti f’pajjiżna.

Ikkonkluda billi fakkar li llum l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu iżjed rotot għal destinazzjonijiet fl-Ewropa minn Heathrow f’Londra.

Il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qegħdin jaħdmu id f’id mal-partner airlines li joperaw minn pajjiżna sabiex Malta tkompli ttejjeb il-konnettivita’ tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend