Alfred Sant qal li l-UE għandha tgħin l-istati membri fil-koordinament tas-sigurtà diġitali meta astjena fuq riżoluzzjoni li torbot it-theddid għas-sigurtà maż-żieda fil-preżenza teknoloġika taċ-Ċina fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. L-MEP Malti spjega li l-UE għandha tiffoka dwar ic-Cybersecurity Act biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw u jsaħħu l-protezzjoni fil-qasam diġitali. Alfred Sant esprima t-tħassib tiegħu li l-iskrutinju tal-proġett ta’ investiment kbir Ċiniż jista’ jkun mod biex jerġgħu jiddaħħlu l-kontrolli tal-kapital fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ wħud mill-istati membri tal-UE.
Dr Sant qal li l-espansjoni ta’ Huawei saret parti minn taqbida usa’ – dik ta’ min se jieħu s-supremazija fil-qasam teknoloġiku u diġitali. Saħaq li din il-ġlieda ma għandhiex tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ta’ spjunaġġ u l-ħolqien mill-ġdid ta’ qasma ġeopolitika.
“Il-President Amerikan Trump b’akkużi immirati kontra l-kumpanija Ċiniża Huawei, totalment injora li biex ikun kredibbli, dak li jingħad irid ikun ibbażat fuq il-fatti u b’argumenti relatati ma’ rendiment ekonomiku, mhux fuq preżuppożizzjonijiet. Apparentement il-pajjiżi mistennija jagħżlu ma’ liema naħa se jmorru – Washington jew Beijing. Ma nemminx li din it-triq hija raġjonevoli jew sostenibbli biex jinkiseb progress teknoloġiku ta’ valur jew biex it-tensjonijiet attwali relatati mal-kummerċ jikkalmaw.”
Dr Sant qal li t-test tar-riżoluzzjoni jinkludi regolament ġdid li jistabilixxi qafas li jgħarbel l-investiment dirett barrani għal raġunijiet ta’ sigurta` u ordni pubblika. Il-proġetti tal-investimenti l-kbar Ċiniżi jistgħu jgħaddu taħt l-għarbiel minħabba implikazzjonijiet strateġiċi.
Dr Sant qal li dawn il-prattiċi jħassbuh għax jistgħu jkunu mod kif ikunu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-kapital filwaqt li jintużaw metodi okkulti biex jitwaqqaf l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti stati membri tal-UE.