Il-marda li qed tifred lil Anġlu minn Kemmuna tliet darbiet fil-ġimgħa – One News

Notifiki

Il-marda li qed tifred lil Anġlu minn Kemmuna tliet darbiet fil-ġimgħa

Anġlu Vella huwa fost it-tmintax-il persuna morda bil-kliewi li jattendu regolarmanet għad-dijaliżi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Ta’ tnejn u sebgħin sena, Anġlu  huwa wieħed mit-tliet persuni li għadhom jgħixu f’Kemmuna.

Fil-Jum Dinji tal-Mard tal-Kliewi, ONE News bakkar fil-gżira Għawdxija, fejn segwa l-proċess li jgħaddi minnu Anġlu darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa biex jingħata l-kura.

Mat-tokki tas-sebgħa ta’ filgħodu, lanċa li l-arranġamenti għaliha jieħu ħsiebhom l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, tiġbru minn Kemmuna u twasslu mal-moll fl-Imġarr.

Hemmhekk tkun qed tistennieh ambulanza, u l-ewwel ħaġa li jagħmel hekk kif jitla’ fiha, Anġlu jċempel lil ħuh Salvu li jgħix miegħu Kemmuna.

Vjaġġ ta’ madwar għaxar minuti fl-ambualnza, iwassal lil Anġlu l-isptar. Hemmhekk, il-professjonisti jdaħħluh fis-sala fejn ineħħi ż-żarbun, jintiżen, u jitqabbad mal-magni.

Waqt li kien qed jinħata d-dijaliżi, l-anzjan tkellem magħna dwar l-akbar uġigħ ta’ ras għalih meta jkun irid imur Għawdex għall-kura.

 

“Il-problema meta jkun il-maltemp bħall-Grigal qawwi li għamel għax ma nkunx nista’ nirkeb il-lanċa fuq il-moll għax jekk ikun maltemp jien ma nirkibx.”

 

Minkejja l-iskariġġ minħabba t-traġitt bejn Għawdex u Kemmuna, Anġlu ma aċċettax li jmur jgħix Għawdex.

Bi tbissima – u b’sens ta’ determinazzjoni – qal li l-gżira fejn twieled, trabba u għex, ma jibdilha ma’ xejn.

 

“Ili wieħed u sebgħin sena hemm u aħjar minn Kemmuna ma nsibx żgur.”

 

Maria Attard – infermiera fir-Renal Unit tal-Isptar t’Għawdex, spjegat li għalkemm it-trattament iġib miegħu ċertu tbatija u restrizzjonijiet, mingħajru dawk morda bil-kliewi ma jgħixux.

 

“Nagħmlulhom il-labar biex id-demm tal-pazjent jgħaddi minn ġol-filter tal-magna u l-filter jagħmel ix-xogħol li normalment tagħmel il-kilwa. Il-magna tneħħilhom it-toxins li jkollhom fid-demm u l-ilma żejjed u mingħajr dan it-trattament ma jistgħux ikomplu jgħixu unless xi ħadd jagħtihom kilwa.”

 

Is-sena li għaddiet, erba’ pazjenti li kienu jagħmlu d-dijaliżi f’Għawdex sarilhom trapjant b’suċċess.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex Joe Fenech spjega li r-Renal Unit t’Għawdex joffri l-istess servizzi bħal dak f’Mater Dei.

Filwaqt li jingħata servizz lil pazjenti li bħal Anġlu jkollhom bżonn id-dijaliżi fuq bażi regolari, jingħata wkoll servizz ta’ twilight hours għal dawk li għal raġuni jew oħra jkollhom bżonn jieħdu l-kura matul il-lejl.

Jingħata wkoll servizz għal Maltin u turisti li jmorru għal btala f’Għawdex. Is-sena l-oħra, dan is-servizz ingħata lil tmenin persuna.

Is-Sur Joe Fenech tkellem ukoll dwar servizz ġdid li beda jingħata din is-sena, fejn speċjalista qed tmur Għawdex u tagħmel l-analiżi tal-pazjenti hemmhekk.

 

“Fejn qabel il-pazjenti tagħna kien ikollhom jitilgħu Mater Dei biex isir dan ir-review, issa qed inġibu l-ispeċjalista hawn on a regular basis biex tibqa’ tiffolowja l-pazjenti tagħna, tara r-riżultati, tara t-treatment hux miexi tajjeb, eċċetra u b’hekk nippruvaw kemm jista’ jkun inġibu s-servizz lejn il-pazjent u mhux nieħdu l-pazjent lejn is-servizz.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend