Alfred Sant u d-Diretturi tal-Medserv qablu dwar l-importanza li jsir sforz Ewropew favur l-istabbilità u s-sigurtà fil-Libja waqt li enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u L-Libja. Id-Diretturi tal-Medserv, immexxija miċ-Chairman Anthony Diacono, stiednu l-MEP iżur l-uffiċċini tagħhom fil-Malta Freeport, Birżebbugia biex jaġġornawh dwar l-attivitajiet tal-Medserv fl-industrija taż-żejt u l-gass fil-Mediterran u Lvant Nofsani.
Sant qal lid-Diretturi tal-Medserv li l-interessi tal-Libja, ta’ niesha u dawk tal-Unjoni Ewropea huma identiċi. Il-pajjiż jeħtieġ gvern stabbli u b’saħħtu li kapaċi jżomm għaqda nazzjonali fi ħdan il-fruntieri Libjani filwaqt li jirrispetta l-fazzjonijiet differenti preżenti fil-pajjiż.
Id-Diretturi tal-Medserv ddiskutew ukoll il-proposti taż-żona ewro li jridu jissostitwixxu l-użu tad-Dollaru Amerikan u minflok jużaw il-munita ewro fil-kummerċ taż-żejt. Irreferew għat-tensjonijiet bejn Washington u l-UE fil-qasam tal-kummerċ, u nnotaw li l-UE qed timbotta biex tisfida d-dominanza tad-dollaru. In-negozju u l-kummerċ tagħhom tal-Medserv isir bid-Dollaru Amerikan.
Medserv hija waħda minn ħames kumpaniji ewlenin li joperaw fil-Mediterran u tħaddem 400 ruħ. Loġistikament il-kumpanija hija bbażata fil-pajjiżi tal-Mediterran bħal Malta, l-Italja, Ċipru, Portugall u l-Eġittu. L-engineering u Supply Chain Management isiru minn bażijiet fl-Emirati Għarab Magħquda u l-Oman