Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat għall-mard tal-Kliewi, LifeCycle Foundation introduċew vawċers biex jitqassmu lill-pażjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi għal għajnuna psikoloġika.
Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) u t-Taqsima tal-Kliewi bdew inizjattiva bl-isem R.U.S.H. – Renal Unit Support Health Hub. LifeCycle-R.U.S.H. qed toffri appoġġ psikoloġiku bla ħlas lill-pazjenti attwali li jbatu minn problemi fil-kliewi, kif ukoll kemm lill-pazjenti li jirċievu trapjant tal-kliewi u kif ukoll lid-donaturi tal-kliewi.
Madwar 300 pazjent tal-kliewi li qed jirċievu kura fuq il-magni għall-emodijalisi (haemodialysis) jew inkella trapjant ta’ kilwa, se jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ vawċers tal-LifeCycle-R.U.S.H. Minn issa, pazjenti tal-kliewi li jixtiequ jkollhom għajnuna psikoloġika se jingħataw vawċer mit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei.
B’dan il-vawċer, il-pazjent hu intolat għal sessjoni ta’ terapija bla ħlas ma’ wieħed mill-ħames psikologi elenkati mill-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta (MCP) f’din l-iskema. Wara jagħmel appuntament mal-psikologu, il-pazjent jieħu l-vawċer miegħu meta jmur għall-viżta. Il-ħlas lil psikologi jsir mill-fondi miġbura tal-Fondazzjoni LifeCycle.
“Mill-esperjenza li ksibna, ħafna pazjenti tal-kliewi isibu ruħħom kompletament mitlufin dwar kif jistgħu jaddattaw ħajjithom. Minbarra l-appoġġ tant iddedikat li jirċievu fit-Taqsima tal-Kliewi, ikun jeħtieġ li jkunu mħejjija mentalment għall-bidliet li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-istadji ta’ din il-marda,” qal Alan Curry.