Il-membri parlamentari Ingliżi se jivvutaw fit-tmienja ta’ llejla fuq jekk iwaqqfux lir-Renju Unit milli jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim iktar tard dax-xahar.
Dan il-vot jgħodd biss għad-data ta’ skadenza tad-disgħa u għoxrin ta’ Marzu, u ma jneħħix il-possibilta ta’ ħruġ mingħajr ftehim jekk il-Parlament ma jsibx ftehim fuq it-triq ‘il quddiem.Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May qalet li hija tifhem il-vuċi ta’ pajjiżha fuq Brexit, minkejja li leħinha mhux b’saħħtu għax tinsab maħnuqa. Insistiet li r-Renju Unit jista jitlaq mill-Unjoni Ewropea bi ftehim tajjeb, u qalet li se tivvota kontra ħruġ mingħajr ftehim. Wissiet lill-membri parlamentari li kellhom għażliet iebsa x’jagħmlu hekk kif il-ftehim tagħha kien rrifjutat għat-tieni darba.
Dan filwaqt li l-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn appella lill-Prim Ministru biex tbiddel id-direzzjoni wara t-telfa tat-Tlieta filgħaxija. Qal li l-ftehim kien irrifjutat b’mod deċiżiv.
In-negozjatur ewlieni Michel Barnier qal li l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tagħmel iktar milli diġa għamlet biex tipprova tipperswadi lill-membri parlamentari Ingliżi.