L-Ewroparlamentari Miriam Dalli assigurat rebħa oħra għall-Malta, din id-darba bil-ħidma tagħha fir-rapport leġislattiv dwar l-użu ta’ aktar minn €10 biljun fil-qasam tal-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
B’rebħa kontra l-forzi konservattivi fi ħdan il-Parlament Ewropew, Miriam Dalli ġabet flimkien lill-gruppi politiċi u membri tal-Parlament Ewropew li jemmnu fis-solidarjetà u li pajjiżi fuq il-fruntiera bħal Malta ma jistgħux jitħallew għal rieħhom.
“Sodisfatta b’dan ir-riżultat għax li kien għal forzi konservattivi, dan il-fond jintefaq f’pajjiżi terzi u mhux fl-Unjoni Ewropea bħalma hu l-għan tiegħu. Iżda llum, il-Parlament Ewropew ivvota biex ikun hemm appoġġ għal pajjiżi bħal Malta,” qalet Dr Dalli.
Ir-rapport ġie approvat b’374 vot favur, b’Miriam Dalli għal darb’oħra jirnexxila taqsam il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. In-negozjati wasslu biex il-gruppi politiċi kollha jaqblu li l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabiltà irrid ikun il-bażi legali tal-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.
“Filwaqt li hemm bżonn ta’ politika komuni u deċisiva f’din il-materja, ma rridux ninsew li l-appoġġ finanzjarju huwa bżonnjuż meta pajjiżi bħal Malta jinqabdu f’sitwazzjonijiet bħal dawk li rajna fix-xhur li għaddew. Per eżempju, flus minn dan il-fond jistgħu jintużaw biex issir rilokazzjoni minn pajjiżi bħal Malta għal pajjiżi oħra,” sostniet Miriam Dalli.
Il-fond għandu l-għan li jindirizza numru ta’ oġġettivi inkluż it-tisħiħ tas-sistema komuni tal-ażil, l-migrazzjoni legali u l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà u r-ritorn ta’ persuni lura fil-pajjiżi terzi jekk dawn jinsabu fl-UE b’mod illegali għax ma jkunux jikkwalifikaw għal xi forma jew oħra ta’ protezzjoni. Dan kollu jfisser li l-ibliet u r-reġjuni Ewropej – is-soċjetajiet tagħna – jista’ jkollhom l-għodda neċessarji biex jindirizzaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.