BIL-FILMAT: Malta l-ewwel pajjiż fl-UE bi strateġija Nazzjonali għall-ħiliet diġitali – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Malta l-ewwel pajjiż fl-UE bi strateġija Nazzjonali għall-ħiliet diġitali

Il-Gven nieda l-istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet Diġitali bil-għan li l-pajjiż jipprovdi aktar ħaddiema mħarrġa fit-teknoloġija tal-informatika.

B’hekk, Malta se tkun l-ewwel Stat Membru Ewropew li għandu strateġija Nazzjonali għal dan il-għan.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li skont il-mudell Ewropew, il-frażi eSkills jista’ jkollha diversi definizzjonijiet, fosthom:

  1. li persuna tkun imħarrġa fl-immaniġġjar ta’ sistemi tal-ICT;
  2. li persuna tkun taf tuża sistemi ta’ ICT waqt xogħolha, u
  3. li persuna tkun kapaċi tuża l-internet għal skopijiet ta’ negozju.

Carm Cachia, Kap Amministratur tal-Fondazzjoni Maltija għall-eSkills, li qed tmexxi din l-inizjattiva, qal li din l-istrateġija tfasslet anke skont oħrajn li saru madwar l-Ewropa li kellhom għanjijiet simili.

L-Istrateġija Maltija se tħares lejn il-mod kif jista’ jevolvi l-kurrikulu fl-aspett diġitali. Dan billi jittejbu l-mezzi li bihom qed jiġi mgħallem l-ICT f’kull struttura edukattiva. L-istrateġija se tippromwovi wkoll inizjattivi Nazzjonali biex isir taħriġ speċjalizzat.

Cachia spjega li “dan il-proġett dam tul ta’ żmien, imma ħareġ rakkomandazzjonijiet importanti bħal li nintroduċu assessments ġodda lill-istudenti u skejjel biex immorru aħjar fil-ħiliet diġitali”.

Dawk li jaħdmu fl-ICT anke preżentament se jkunu rikonoxxuti b’mod aħjar biex b’hekk, ikunu stmati daqs ħaddiema f’setturi korporattivi oħra. “Se nintroduċu wkoll għodda biex jitqassmu fis-soċjetà u fl-edukazzjoni biex nassessjaw lilna nfusna. Dawn jeżistu madwar l-Ewropa biex inti tkun taf kif inti sejjer fil-ħajja diġitali”, spjega Cachia.

Dan filwaqt li ħaddiema li diġà huma mħarrġa fis-settur se jkomplu jingħataw taħriġ xieraq fuq il-post tax-xogħol, ikunu provduti fondi għal proġetti sostenibbli fis-settur u jiddaħħlu mezzi biex iż-żgħażagħ jitqiesu aktar bħala konsumaturi tat-teknoloġija milli sempliċiment utenti.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fakkar li l-Gvern kien diġá investa f’dan is-settur billi fetaħ Boroż ta’ Studju u programmi fl-Universitá dwaru, iżda b’din l-istrateġija l-Gvern se jkun qed jindirizza l-bżonnijiet tal-ekonomija tal-preżent.”Irridu naraw li l-ħiliet li għandna fil-preżent huma l-ħiliet li l-industrija qed titlob. B’din l-istrateġija identifikajnihom u rajna miżuri biex fost oħrajn inżidu anke s-sehem tan-nisa li jidħlu f’din l-industrija”.

Schembri temm jgħid li bil-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa bejn kull min hu nvolut mal-Fondazzjoni Maltija għall-Ħiliet Virtwali, din l-inizjattiva se tkun storja ta’ success oħra għal pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend