F’votazzjoni kruċjali, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu approva r-regolament li ġie revedut dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini (European Citizens’ Initiative – ECI). Il-mekkaniżmu huwa intenzjonat biex jagħti leħen lil bosta ċittadini, biex iniedu u jappoġġjaw inizjattivi u leġiżlazzjonijiet ġodda ħalli b’dan il-mod wieħed ikun qiegħed isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika.
Immedjatament wara l-vot fil-plenarja, l-MPE Marlene Mizzi, li kienet ir-rapporteur tal-S&D għall-Kumitat tal-Petizzjonijiet qalet: “Huwa ta’ sodisfazzjon li nara riżultat pożittiv bħal dak tal-lum. Fir-rwol tiegħi ta’ kelliema tal-S&D fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet kelli rwol ewlieni fit-tfassil tar-regoli l-ġodda li jissalvagwardjaw u jassiguraw li l-mekkaniżmu tal-ECI ikun aħjar u aktar faċli għaċ-ċittadini.
“Fl-aħħar snin kelli l-opportunità unika biex naħdem direttament fuq dan is-suġġett. Bħala l-kelliema għal-S&D fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet, jien ukoll kelli rwol ewlieni fit-tfassil tar-regoli l-ġodda biex nissalvagwardja u niżgura li l-istrument ECI jkun wieħed li ċ-ċittadini jistgħu jiffamiljarizzaw miegħu u li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.”
Marlene Mizzi saħqet li “iċ-ċittadini ma jafdawx lill-Unjoni Ewropea. Huma jħossuhom bogħod u ffrustrati fejn jidħlu d-drittijiet tagħhom. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija appell dirett miċ-ċittadin għall-UE u opportunità sabiex l-istess ċittadini ikollhom influwenza diretta fuq il-futur politiku fl-Ewropa.”
L-għan tal-ECI , li ġie revedut huwa li jtejjeb il-mod ta’ kif taħdem, billi ġew indirizzati n-nuqqasijiet tekniċi u burokratiċi li ġewidentifikati matul dawn l-aħħar snin. Ir-riforma l-ġdida tal-ECI tipprovdi għar-regoli li huma aktar faċli għaċ-ċittadini li jagħmlu l-ECI aktar aċċessibbli, u aktar faċli biex jintuża mill-organizzaturi.
“Ħloqna strument li jwassal għal Ewropa aktar demokratika, li jinkoraġġixxi d-dibattitu u l-parteċipazzjoni fuq livell Ewropew, inkluża dik taż-żgħażagħ, u li tqarrab lill-UE lejn iċ-ċittadini. Bir-regoli l-ġodda ż-żgħażagħ f’Malta se jkunu jistgħu jappoġġjaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej mill-età ta’ 16-il sena. Jiena sodisfatta ħafna li għal darb’oħra x-xogħol tiegħi fil-Parlament Ewropew għen biex iwassal bosta benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tagħna,” qalet MPE Mizzi.