Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ikbar sfida li għandu pajjiżna quddiemu mhix il-kompetittività iżda n-nuqqas ta’ ekwità u li kull parti tas-soċjetà tkun irrappreżentata b’mod ġust f’pajjiżna.
Dr Muscat qal dan waqt konferenza li ttellgħet fil-Parlament li ttrattat l-intrapiża f’Malta u ġabet taħt saqaf wieħed bosta rappreżentati tal-ekonomija Maltija.
Waqt li saħaq fuq il-bżonn ta’ bilanċ, saħaq li l-estremitajiet qatt ma taw riżultati.
Qal li Malta hija kburija li l-Forum Ekonomiku Dinji kklassifikana bħala l-aktar ekonomija stabbli fid-dinja u kburin ukoll li flimkien ksibna tkabbir ekonomiku bla preċdent u naqqasna l-faqar.
Innota kif illum qegħdin nitkellmu dwar sfidi marbuta mat-tkabbir u mhux ta’ qgħad jew ta’ staġnar ekonomiku. Sostna li pajjiżna mhux se jtella’ ħitan u se jibqa’ miftuħ għan-negozju anke biex jilqa’ għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Kien hawn li semma dik li sejjaħ bħala sfida kruċjali li qed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna li hija nuqqas ta’ ġustizzja bejn is-sessi inkluż fil-Parlament li tul is-snin rat biss sebgħa u għoxrin mara eletta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar l-isfidi li qed tħabbat wiċċhom magħha l-Ewropa u mhux biss Malta. Qal li waqt li l-Ewropa mhix fuq quddiem fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali jew tal-innovazzjoni tista’ tkun fuq quddiem fil-qasam tar-regolamentazzjoni hekk kif qed tagħmel Malta f’diversi setturi fosthom dak tal-blockchain.
ll-Prim Ministru nnota wkoll li l-Ewropa għandha tħares u tinvesti wkoll lejn il-kunċett tal-istil ta’ ħajja hekk kif saret il-post li fih l-għani u l-fqir iħarsu li jgħixu fih biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Dwar l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ Brexit, Dr Muscat qal li l-Gvern qiegħed isegwi bi tħassib dak li qed jigri fir-Renju Unit u mhu kuntent xejn bis-sitwazzjoni kif qed tiżvolġi.
Tenna li waqt li Malta trid tkun l-aktar pajjiż British Friendly, sostna li Malta tappoġġja bis-sħiħ in-negozjati li li għamel Michelle Barnier f’isem l-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li jħares b’mod pożittiv lejn l-idea li r-Renju Unit jitlob estensjoni tat-terminu taż-żmien iżda qal li jrid ikun hemm raġuni valida bi pjan ċar.