Taħt il-baħar hemm d-dinja oħra, u għall-ewwel darba l-pubbliku se jkollu l-opportunità li jgawdi l-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar malti, mingħajr ma jinzel jogħdos.
Għal dan il-għan, twaqqaf l-ewwel Dipartiment tal-Wirt Kulturali ta’ taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, li se jkun qiegħed jimmaniġġja u jħares il-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar.
Id-dipartiment, b’kollaborazzjoni mas-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali, se jidentifika numru ta’ siti taħt il-baħar sabiex dawn ikunu aċċessibbli għall-għaddasa b’mod ikkontrollat.
Għaxar siti storiċi se jinfetħu din is-sena u Heritage Malta għandha l-għan li tiftaħ bejn tlieta u ħames siti ġodda bejn l-elfejn u għoxrin u l-elfejn wieħed u għoxrin.
Izda għal dawk li mhumiex għaddasa, id-dipartiment ħaseb li permezz ta’ viziv bħal filmati fuq il-sit elettroniku u t-teknoloġija 3D, il-pubbliku ikun jista jgawdi b’dan il-mod il-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar.
Id-dipartiment se jitmexxa minn Timmy Gambin. Fisser kif għal numru ta’ snin, twettqet riċerka arkeoloġika taħt il-baħar. Minn dan il-proġett ġew skoperti, iddokumentati fuq mapep, u studjati, numru ta’ depożiti ta’ valur kulturali importanti ħafna.
Uħud minn dawn is-siti jvarjaw minn relitt ta’ xini Feniċju li jmur lura elfejn u seba mitt sena, li huwa l-aktar antik fil-Mediterran ċentrali, għal għadd ta’ postijiet b’ajruplani mgħerrqa, u bastimenti ta’ żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija.
“Ftit nies jinzlu taħt il-baħar allura se jkollna programm sħiħ u talks, muzew fuq il-web biex aħna nixxerjaw il-wirt kulturali mal-pubbliku u turisti.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, qal li kif tħabbar fil-Baġit il-gvern zamm mal-wegħda tiegħu u illum nistgħu nipproteġu l-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna li jinsab taħt il-baħar.
“Taħt il-baħar huwa parti mill-patrimonju tagħna. Hemm bzonn nedukaw lin-nies u nagħmluh aċċessibli għal poplu malti.”
Il-Ministru Owen Bonnici qal li saru l-emendi neċessarji fil-liġi sabiex il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar ikun dejjem protett.