Simon Borg ta’ 33 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie kkundannat ħames snin u sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li f’Ottubru li għadda darab anzjan ta’ wieħed u tmenin sena fil-Ħamrun.
Il-każ seħħ fit-22 ta’ Ottubru li għadda meta l-anzjan qabad lill-akkużat jipprova jisraqlu somma flus mill-but ta’ wara tal-qalziet. Hawnhekk l-akkużat imbotta lil anzjan li spiċċa ħabat wiċċu mal-art.
Wara li qam mill-art, Borg allegatament ipprova jaggredih, iżda nżamm minn raġel pajżan li nzerta kien għaddej bil-karozza. Dan ir-raġel ordna lill-imputat ma jiċċaqlaqx u baqa’ jżommu mal-art sakemm waslu l-pulizija tal-RIU. Fuqu nstabu wkoll żewġ boroż zgħar li b’sustanza ħadranija.
Wara li ġie arrestat, Borg li għandu vizzju tad-droga, qal li kien pejjep droga sintetika u ħa xi pilloli aktar qabel ma seħħ l-inċident. Huwa stqarr li ma kienx il-ħsieb tiegħu li jweġġa’ lill-anzjan jew li jisirqu. Ammetta wkoll li s-sustanza ħadranija fiż-żewġ boroż li nstabu fuqu kienet droga sintetika.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-anne Farrugia qalet li l-akkużat ilu tmien snin jaħli l-ħin u r-riżori tal-uffiċjali tal-probation biex forsi jikkonvinċi ruħu li jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni.
Qalet li m’għandhiex dubju li l-imputat kien jaf li jekk jinstab ħati se jintbagħat il-ħabs. Innotat li seba’ xhur ilu, l-akkużat qabad u telaq mix-xelter tal-Aġenzija Caritas fejn kien ilu xahar jagħmel kors preparatorju.
Qalet li l-imputat ma qagħad jaħsibha xejn jipprova jisraq anzjan ta’ 81 sena u meta qabdu fil-fatt, imbottah mal-art u wara pprova jaggredih.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rrevokat il-ħelsien mill-arrest, ikkonfiskat depożitu ta’ elf ewro u ordnatlu jħallas il-garanzija personali ta’ €5,000.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Robert Vella