Farrugia Portelli tiżvela l-falsità ta' Jason Azzopardi | One News

Notifiki

Farrugia Portelli tiżvela l-falsità ta’ Jason Azzopardi

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia ċaħdet b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet foloz tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-Gvern irtira b’vendikazzjoni ċ-ċittadinanza ta’ Alġerin li rriżulta li żżewweġ għall-konvenjenza biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija.
Fil-ħin tal-aġġornament tal-Erbgħa filgħaxija, Farrugia Portelli qalet li waqt li tittama li Azzopardi għamel żball ġenwin, il-fatti juru li Azzopardi kien selettiv fir-rimarki tiegħu.

Hija talbet lil Azzopardi biex jirtira l-allegazzjonijiet foloz li għamel fil-Parlament. “Għandu jkollu l-irġulija li jiġi f’din il-Kamra u jammetti li pinġa stampa li ma kinitx vera.”

Farrugia Portelli spjegat li għall-kuntrarju ta’ dak li qal Azzopardi, hija gidba li l-Gvern ħa ċ-ċittadinanza ta’ ċertu Abderrahmane Fezouine.

Qalet li Fezouine kien fost 17-il persuna u s’issa ma tteħiditx ċittadinanza. Spjegat li s’issa ċ-ċittadinanza għadha ma ġietx irtirata, iżda l-persuni ġew mgħarrfa bil-proċess.

“Kull persuna li rċeviet din l-ittra, bil-liġi għandha 21 jum biex tappella. Min se jappella, jidher quddiem Bord ta’ Inkjesta mwaqqaf b’setgħa ta’ Liġi.

Farrugia Portelli żiedet tiżvela li Fezouine kien jaħdem għal deputat Nazzjonalista. Hija talbitu jistaqsi kif dan spiċċa bil-banda ma’ dan id-deputat u jekk spiċċax ingidem minnu.

Hija wieġbet ukoll għad-dikjarazzjoni ta’ Azzopardi, meta stqarr li qatt ma sema’ li xi ħadd itteħditlu ċ-ċittadinanza għax hemm sentenza tal-Qorti li sabet li ż-żwieġ tiegħu ma’ Maltija kien ivvizzjat b’difett serju ta’ diskrezzjoni ta’ ġudizzju.

Qalet li minn sempliċi tfittxija fuq l-internet bl-isem tal-Alġerin, titla’ proprju s-sentenza tal-Qorti li Azzopardi ħalla parti importanti minnha barra.

Waqt li kkwotat mis-sentenza, Farrugia Portelli qalet li din turi li mhux Identity Malta jew il-Gvern talbu li tiġi rtirata ċ-ċittadinanza, iżda kienet il-qorti fl-2002, li qalet li dan iżżewweġ bl-iskop li jġib iċ-ċittadinanza u l-passaport Malti.

“Allura nistaqsi x’intenzjonijiet għandu Jason Azzopardi meta jagħżel li jinjora dak li qalet il-qorti,” staqsiet is-Segretarju Parlamentari.

Hawnhekk żvelat dokument tal-21 ta’ Novembru tal-2006, li sar fi żmien Gvern Nazzjonalista li juri li Fezouine kien fost 19-il persuna li rriżulta li ħadu ċ-ċittadinanza bi żwieġ ta’ konvenjenza.

Hija staqsiet għaliex Gvern Nazzjonalista ma ħax azzjoni u sostniet li dak li m’għalux f’21 sena qiegħed jagħmlu dan il-Gvern.

Hija żvelat ukoll dokument ieħor li juri kif tliet persuni ħadulhom iċ-ċittadinanza għax iżżewġu b’konvenjenza u tawhielhom lura bi proċedura oħra.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-Gvern ħa l-pariri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u assigurat li d-deċiżjonijiet huma msejsa fuq pariri legali li huma konsistenzi ma’ struzzjonijiet li nagħataw fil-passat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend