BIL-FILMAT: Daqshekk diskriminazzjoni kontra YouTubers Maltin | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Daqshekk diskriminazzjoni kontra YouTubers Maltin

Ilment mingħand tifla ta’ disa’ snin wassal biex f’Malta twieled qasam ġdid li kapaċi joħloq għexieren ta’ impjiegi u jħalli eluf fl-ekonomija Maltija.

Mill-Ħamis, il-Maltin li jipprovdu kontenut fuq YouTube se jibdew jitħallsu ta’ xogħolhom għax issa Malta ssieħbet fil-YouTube Partnership Programme.

Tkellimna ma’ Fabian Borg, fundatur ta’ Creators Malta, li hija l-komunità ta’ YouTubers Maltin. Spjegalna kif kollox beda mill-kċina tiegħu, meta bintu ntebħet li l-Maltin ma jitħallsux tal-kontenut li jtellgħu fuq dan is-sit.

Minn hawnhekk, Borg fetaħ petizzjoni kontra Google biex Malta tiddaħħal fil-ftehim ta’ sħubija ma’ YouTube. Petizzjoni li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien id-disa’ persuna li ffirmaha, u li kellha twassal biex jibdew id-diskussjonijiet ma’ Google dwar Malta.

“Tant kemm infteħu bibien issa, li prattikament Maltin jistgħu jaspiraw li jagħmlu karriera minn fuq YouTube bħal m’hemm barra minn Malta. Anke għall-ekonomija Maltija din tieħu spinta ‘l fuq”.

Issa, YouTubers Maltin li jilħqu ċertu kriterji se jkunu qed jitħallsu tal-kontenut li jtellgħu fuq il-profil tagħhom.

“Irid ikollok 1,000 subscriber fuq iċ-channel u 4,000 view-hours f’sena, li huma faċli ttellahhom jekk tkun kostanti. Google issa jaqbillu li jippromwovi l-vidjos Maltin biex jieħdu l-introjtu huma stess. Li jiġri hu li Google jagħmel qligħ mir-reklamar li jiġu fuq il-vidjos u jagħti nofsu lill-content provider“.

Għalhekk, jekk il-Maltin jisfruttaw il-potenzjal ta’ YouTube, ikunu qed jirreklamaw il-prodott tagħhom mad-dinja kollha, u jitwieled settur ġdid ta’ xogħol.

“Int ikollok nies, Maltin, li jaqilgħu €600,000 fis-sena, biex ikomplu jtellgħu il-kontenut, jimpjegaw camera crew, edituri, casts, min jagħmel il-marketing, hija ripple effect, u jiftħu kumpaniji mbagħad.”

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li sa sena u nofs ilu, Malta kienet l-unika pajjiż mhux inkluża fis-sħubija mas-sit, iżda l-Gvern ried itemm id-diskriminazzjoni li kienu qed jaffaċċjaw il-YouTubers lokali.

“Din hija industrija b’potenzjal li tiftaħ industrija kompletament ġdida. Smajna b’nies li għamlu eluf kbar ta’ flus u li dan ikun ix-xogħol primarju tagħhom. U din hija opportunità oħra f’dawk li nsejħulhom il-Creative Arts fejn inti qed tkompli żżid id-diversifikazzjoni tal-ekonomija tiegħek”.

Il-Gvern qal ukoll li se jorganizza attività għal YouTubers Maltin fejn se tingħata aktar informazzjoni dwar kif se jaħdem il-YouTube Partnership Programme għal Malta, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend