Matthew Mifsud tressaq il-qorti fuq kwistjoni marbuta ma’ propjeta.
Huwa kien akkużat li ħa l-liġi b’idejh u li bena planka tal-konkrit fuq il-bejt tiegħu u kkawża ħsara lil propjeta ta’ terzi.
Fl-istadju ta’ appell, l-kawża nstemgħet quddiem l-Imħallef, Antonio Mizzi u ġiet differita għas-sentenza fit-30 ta’ Ottubru 2018.
F’dik id-data, is-sentenza ma ngħatatx u l-każ ġie differit, għal darb’oħra sat-30 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Sadanittant, iżda l-Imħallef Mizzi rtira u l-każ ġie assenjat lil Imħallef, Edwina Grima bid-data tas-seduta tinbidel għall-25 ta’ Jannar.
Ftit jiem qabel din id-data, Mifsud kien infurmat li s-seduta tħassret iżda minflok ma rċieva notifika fuq data ġdida, l-akkużat irċieva żewġ ordnijiet għal ħlas immedjat ta’ ħames mitt ewro u elf, mija u tletin ewro.
Dan hekk kif huwa nstab ħati li ma attendiex għas-seduta li saret fit-tletin ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Fid-digriet mogħti fl-ewwel ta’ Marzu, l-Imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba, u ordnat li sabiex ir-raġel ma jiġix miċħud smigħ xieraq, is-smigħ ta’ l-appell se jiġi skedat mill-ġdid sat-8 ta’ Mejju.