Wara diskussjonijiet li s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri kellu ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Google hawn Malta fil-bidu tas-sena l-oħra, il-Gvern jista’ jħabbar li minn nhar il-Ħamis 14 ta’ Marzu se jidħol fis-seħħ il-YouTube Partnership Programme. Dan se jfisser li artisti u YouTubers Maltin se jibdew jitħallsu tal-kontenut li jipproduċu u li jiċċirkolaw online b’suċċess fuq YouTube. Dan se jippermetti wkoll lil dawk li joħolqu materjal online li jkollhom aċċess għal iktar għodod u riżorsi biex jużaw sal-massimu l-kontenut tagħhom fuq YouTube.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-isforzi tal-kumpanija Google biex YouTube jkollu verżjoni speċifika għal Malta bħal ma diġà jeżisti f’90 pajjiż ieħor. B’hekk tkun intemmet id-diskrimazzjoni fuq l-utenti Maltin ta’ YouTube fejn issa se jkun aktar faċli li t-talent u l-kontenut produċut lokalment ikun milħuq u rimunerat fuq skala internazzjonali.
“Sodisfatt li l-ħidma tagħna mal-kumpanija Google ħalliet il-frott u b’hekk issa ż-żgħażagħ Maltin se jkunu qed jitħallsu tal-arti u l-kontenut li jipproduċu fuq YouTube bħal żgħażagħ oħra Ewropej,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri. Filwaqt li żied li din il-ħidma kienet essenzjali sabiex ikun assigurat li l-benefiċċji li ġġib magħha l-ekonomija diġitali tkun ta’ gwadan u tilħaq b’mod ġust liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern se jkun qed jorganizza attività għal YouTubers Maltin fejn se tingħata aktar informazzjoni dwar kif se jaħdem il-YouTube Partnership Programme għal Malta. Dan se jsir bil-għan li l-artisti Maltin jkunu jistgħu jisfruttaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod tal-YouTube Partnership Programme.