Jiċċertifikaw lill-ħaddiema tagħhom fl-oqsma tal-ospitalità u t-tindif | One News

Notifiki

Jiċċertifikaw lill-ħaddiema tagħhom fl-oqsma tal-ospitalità u t-tindif

L-OZO Group, li jimpjega ’l fuq minn 3,000 ħaddiem fil-kumpaniji sussidjarji tiegħu, daħal għal biċċa xogħol kbira – dik li jiċċertifika lill-istaff kollu tiegħu fl-oqsma tal-ospitalità u t-tindif. Il-korsijiet full-time ta’ ġimgħa, li jinkludu lezzjonijiet tal-Ingliż għall-użu fis-setturi tal-ospitalità, l-ikel u x-xorb, l-iġjene, u l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà, huma rikonoxxuti uffiċjalment mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE).

“Ir-raġuni għalfejn teżisti l-Akkademja hija proprju li ntejbu s-servizzi offruti mill-Grupp,” qalet is-Sinjura Roxanne Clarke, l-Eżekuttiv għat-Taħriġ fi ħdan il-Grupp. “Bħala kumpanija li tipprovdi ħaddiema fl-ospitalità u t-tindif għal aktar minn 95 fil-mija tal-lukandi lokali, fost bosta setturi oħra, huwa importanti li l-istaff tagħna jaħdem bl-istess mod u bl-istess livell ta’ professjonalità, ikun fejn ikun.

“Barra minn hekk, din l-inizjattiva se tkompli tinċentiva lill-ħaddiema. Din iċ-ċertifikazzjoni hija rikonoxxuta uffiċjalment anke barra mill-kumpanija, għax l-OZO Academy hija liċenzjata mill-NCFHE u l-korsijiet ġew imfassla skont il-Qafas tal-Kwalifiki ta’ Malta li, min-naħa tiegħu, jimxi skont il-Qafas tal-Kwalifiki tal-Unjoni Ewropea.”

Il-kors ta’ 40 siegħa huwa mħallas kompletament mill-Grupp, u l-impjegati jibqgħu jitħallsu l-paga normali tagħhom tul dan iż-żmien. Din l-inizjattiva kienet biss waħda minn bosta oħrajn radikali li ħa l-OZO Group, li huwa parti mill-Grupp tal-London Stock Exchange ELITE, biex jiżgura s-suċċess u l-kuntentizza tal-ħaddiema tiegħu. Dawn jinkludu li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom fl-ospitalità u t-tindif pagi ogħla mill-paga minima, u t-twaqqif tal-fondazzjoni Adopt a Charity taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, li tipprovdi l-ħlas tal-paga lil ħaddiema tal-OZO Group li jkollhom mard serju jew terminali, kif ukoll għajnuna għall-familji tagħhom.

“Aħna diġà qed naħdmu fuq is-sensiela li jmiss ta’ dawn il-korsijiet li se tkun disponibbli għall-impjegati tagħna fix-xhur li ġejjin, fosthom klassijiet dwar il-kultura Maltija għall-impjegati barranin tagħna,” ikkonkludiet is-Sinjura Clarke.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend