Il-GWU taqbel mal-proposta ta’ Alfred Sant li wasal iż-żmien li tiżdied il-paga mimima fl-Ewropa. Delegazzjoni tal-GWU immexxija minn Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, iltaqgħet mal-MEP Laburista Alfred Sant fejn ġew diskussi l-isfidi tal-ħaddiema Ewropej, b’mod partikolari dawk f’Malta u f’Għawdex.
Alfred Sant u d-delegazzjoni tal-GWU innotaw li s-settur tal-Manifattura f’Malta bħalissa sejjer tajjeb. Fabbriki bħal Playmobile, Tolly, Crane, De La Rue qed ikabbru l-operat tagħhom.
Ġiet diskussa l-proposta tal-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri kollha tal-UE.
“Din il-miżura hija ta’ detriment għal dawk li jaħdmu fis-settur finanzjarju u tal-igaming,” qal Alfred Sant.
Dwar il-proposta li jkun hemm Ewropa Federali, Alfred Sant qal li din ma taqbilx għal pajjiż żgħir bħal tagħna fil-periferija tal-Ewropa.
“Ewropa Federali u Armata tal-UE mhumiex fl-interess tagħna.”
Iż-żewġ naħat esprimew it-tħassib tagħhom dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ mijiet ta’ barranin li qed jinġiebu Malta. Qablu li fix-xhur u s-snin li ġejjin iżommu kuntatt ma’ Alfred Sant dwar sfidi ġodda fl-Ewropa li żgur iħallu l-impatt tagħhom fuq ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Id-delegazzjoni tal-GWU kienet magħmula minn Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, Victor Carachi, President u Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali.