Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel żjara fil-kumpless ONE b’rabta mal-25 anniversarju mill-ftuħ tal-istazzjon televiżiv.
Waqt iż-żjara tiegħu Dr Fearne kellu taħditiet maċ-Chairman ta’ ONE Jason Micallef. Huwa żar taqsimiet differenti tal-istazzjon fejn iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema fosthom il-ġurnalisti tal-kamra tal-aħbarijiet.
F’kumment lil One News Dr Fearne tenna li tul dawn l-aħħar 25 sena, l-istazzjon ONE dejjem ta servizz mill-aqwa liċ-ċittadini, u qal li investimenti riċenti bħal dak tal-OB Unit 4k se jkompli jassigura futur mill-isbaħ għal dan l-istazzjon.
“F’dan l-aħħar snin l-investiment li sar fl-istazzjon tagħna huwa xi ħaġa fenomenali grazzi wkoll għall-kontribuzzjonijiet li għamlu ċ-ċittadini pereżempju issa għadna kemm għamilna investiment qawwi f’OB Unit u jiena ċert li b’dan l-investiment li qed nagħmlu u bin-nies li għandna jaħdmu ġo dan l-istazzjoni ser nkomplu nagħtu servizz tajjeb lill-poplu tagħna,” qal Dr Fearne.