World Pro Racing, li torganizza tlielaq virtwali ta’ livell għoli, ssieħbet ma’ Student Motorsport. Student Motorsport hija kumpanija li tgħin studenti li qegħdin jistudjaw fil-Motorsport, biex ikollhom esperjenzi fil-qasam tax-xogħol. Mhux biss sewwieqa imma kull min għandu x’jaqsam ma’ Motorsport inġenerali, li jibda minn sewwieqa, inġiniera, marketing, disinn tal-karozzi, marshals u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dan l-isport.World Pro Racing flimkien ma’ Student Motorsport ser tkun qed tgħin lil sewwieqa tat-tlielaq virtwali jikbru b’mod professjonali mhux biss fl-aspett ta’ sewqan imma f’kull ħaġa li tirrikjedi biex ikollok pakkett komplut.
Dan huwa pass ieħor kbir għal World Pro Racing għaliex f’dan l-isport virtwali qed iddaħħal il-qasam tax xogħol u l-edukazzjoni fir-realtà tal-istess sport.
“Dan minn dejjem kien il-ħsieb”, saħaq Justin Mifsud, wieħed mid-diretturi ta’ World Pro Racing. Il-Motorsport virtwali hu wieħed mis-setturi tal-Esports li jista’ jwasslek għal ħajja reali u jkollok impjieg fl-istess sport li inti qed tipprattika virtwalment, għax dak li jsir fil-virtwalità, jista’ jiġi implimentat fir- realtà. Dan jgħodd għal xufiera, inġiniera, disinjaturi u ħafna oqsma ta’ xogħol ieħor.
World Pro Racing qiegħda taħdem bil-galbu biex ittella’ xufiera ta’ livell għoli fil-Motorsport, infatti diġà bdiet tagħti lezzjonijiet lil tfal u żgħażagħ li jixtiequ jieħdu s-sim racing bis-serjetà biex isiru professjonali fl-Esports u bil-possibbiltà wkoll li jidħlu fid-dinja tal-Motorsport reali bħala impjieg.
Mifsud kompla jisħaq li fil-Motorsport mhuwiex kemm tkun xufier tajjeb biss, imma wkoll li tkun taf kif titkellem waqt l-intervisti li jagħmlulek, ikun hemm interazzjoni mal-fans tiegħek, kif tmur man-nies u kif titla’ b’karattru li juri livell professjonali.
Adrian Figallo li huwa wkoll direttur ta’ World Pro Racing u liċenzjat mill-FIA biex jieħu ħsieb tlielaq kemm reali kif ukoll virtwali tenna li ser isir taħriġ ukoll lil dawk in-nies li huma interessati li jsiru marshals kemm fl-Esports u kif ukoll biex ikollhom esperjenza qabel jaffaċċjaw ir-realtà. Figallo kompla jgħid li waqt it-tlielaq virtwali wkoll jieħdu ħsieb li ma jsirux inċidenti mhux xierqa jew li jistgħu jiġu evitati, kif ukoll jingħataw penalitajiet lis-sewwieqa bħalma jsir fil-Motorsport reali, b’hekk il-marshals li għadhom bidu jistgħu jieħdu idea u jibdew itellgħu l-esperjenza u jkunu preparati fuq x’jista’ jiġri waqt tellieqa.
World Pro Racing timmaniġġja wkoll it-tim professjonali tagħha RPM Esports, fosthom hemm xufiera ta’ livell internazzjonali bħal Alon Day, champion tan-Nascar fl-Ewropa fil-Motorsport reali,Martin Stefanko F1 Esports driver mat-tim Haas, kif ukoll sewwieqa oħrajn ta’ livell għoli. Hemm ukoll xufiera Maltin li l-amministrazzjoni għażlet għax rat potenzjal fihom, bħal Dean Vella u l-iktar sewwieq riċenti li daħal, Matthew Galea. Dawn ix-xufiera qed jiġu mħarrġa b’mod professjonali biex jikkompetu fi tlielaq professjonali internazzjonali u tal-iktar livell għoli. Ix-xufiera jagħmlu l-almu tagħhom waqt it-taħriġ, tittieħed l-informazzjoni kollha ta’ kull dawra mat-trakka, u tingħata lill-inġiniera biex ikunu jistgħu jissettjaw il-karozzi ta’ kull xufier qabel itellqu. Dan kollu qed isir bis-saħħa ta’ World Pro Racing u s-sħubija ma’ Student Motorsport.
Dan huwa ta’ unur għall-pajjiz fil-qasam tal-Esports għaliex qed jittieħed b’mod professjonali u ntellgħu l- prodott Malti għall-ogħla livell biex ikunu jistgħu jikkompetu ma’ xufiera oħra ta’ fama u livell mondjali.