Riċerkaturi Maltin jiżviluppaw test li jaqbad il-kanċer minn qabel – One News

Notifiki

Riċerkaturi Maltin jiżviluppaw test li jaqbad il-kanċer minn qabel

Riċerkaturi tal-Università ta’ Malta żviluppaw numru ta’ testijiet ġodda għall-kanċer tas-sider li mistennija jtejbu t-testijiet eżistenti u jagħmluhom inqas invasivi minn kif nafuhom bħalissa.

Il-Professur Geodfrey Grech, li huwa wieħed mil-koordinaturi ta’ dan il-proġett, spjega kif dawn it-testijiet issa huma kapaċi li jaqbdu tipi diversi ta’ kanċer minn test tad-demm. Dawn it-testijiet janalizzaw it-tumuri, li s’issa seta jkun analizzat mill-materjal tiegħu stess, iżda r-riċerkaturi żiedu s-sensittività ta’ dawn il-metodi, biex illum il-partiċelli tat-tumur li jkunu fid-demm ukoll jistgħu jiġu analizzati.

Il-Professur Grech spjega li minn dawn it-testijiet li huma iktar sensittivi tista’ tieħu informazzjoni fuq il-pazjenti mhux biss fil-bidu tad-dijanjożi, iżda tista’ tibqa’ tistħarreġ lill-pazjent waqt it-terapija. Qal ukoll li issa li l-prodott jista’ jiġi kkumerċjalizzat, qegħdin janalizzaw ukoll dawn it-testijiet fuq il-kanċer tal-musrana

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne laqa’ r-riżultati ta’ din ir-riċerka u fisser kif grazzi għal testijiet bħal dawn il-pazjenti se jibdew jirċievu kura aktar speċifika għat-tip ta’ kanċer li jkollhom. “Din ir-riċerka qegħda tikkwantifika b’mod iżjed definit it-tip preċiż tal-aknċer li wieħed ikollu, u d-differenzi bejn persuna u oħra. Dan ifisser li eventwalment, ikun jista’ jieħu trattament iżjed speċifiku, mhux it-trattament li jieħu kulħadd. Allura, ir-riżultat tal-kura tal-kanċer ikunu aħjar”, spjega l-Ministru Fearne.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li dan il-proġett kiseb l-appoġġ finanzjarju ta’ €190,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti u x-Xjenza. Huwa spjega kif progetti bħal dawn mhux biss qed iħallu impatt pożittiv f’pajjiżna iżda anki fil-kura palljativa barra minn xtutna. “Hija riċerka magħmula minn riċerkaturi Maltin li bbenefikaw minn fond mill-MCST biex isiru testijiet anqas invażivi biex jinstab il-kanċer tas-sider. Dan jiġi maqbud minn qabel, allura jkun jista’ jiġi trattat minn qabel”, temm jgħid Schembri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend