Malta se tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija li tiġġedded | One News

Notifiki

Malta se tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija li tiġġedded

Sa sentejn oħra, Malta mistennija tilħaq il-miri Ewropej dwar l-enerġija rinovabbli, hekk kif mill-2005 ’l hawn rajna żieda ta’ 7.2% tal-enerġija ġġenerata minn sorsi li jiġġeddu bħax-xemx. Dan joħroġ minn rapport tal-Eurostat li nnota wkoll żieda ta’ aktar minn 1% fuq l-istess rapport li nħareġ is-sena l-oħra.

Il-mira Ewropea hija ta’ 20%, iżda minħabba li sal-2005 Malta prattikament ma kienet tiġġenera ebda enerġija minn sorsi rinovabbli, il-miri għal pajjiżna kienu tnaqqsu għal 10%. Skemi tal-Gvern fosthom dawk li jippromwovu x-xiri ta’ panelli fotovoltaiċi u solar water heaters kkontribwixxew ħafna biex issa Malta tista’ tilħaq il-miri tagħha f’dan ir-rigward. Kelliema għall-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma qalet li fir-realtà, il-mira tal-2020 mhux fissa, hekk kif id-domanda għall-enerġija f’pajjiżna dejjem kienet qiegħda tiżdied. Hija nnutat li f’ħames snin il-konsum ta’ enerġija żdied b’aktar minn 16% fuq kemm kien qed jiġi rreġistrat fil-passat. Dan minħabba t-tkabbir ekonomiku u żieda ta’ turisti li qed jiġu f’pajjiżna.

L-istess rapport qal ukoll li filwaqt li pajjiżna għandu fost l-anqas rati ta’ sorsi tal-enerġija rinvoabbli mis-sena 2014 ’l hawn, dawn żdiedu bi 3%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend