L-AG jsostni li l-inkjesta Egrant m'għandhiex tiġi ppubblikata issa biex ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet tal-Pulizija | One News

Notifiki

L-AG jsostni li l-inkjesta Egrant m’għandhiex tiġi ppubblikata issa biex ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet tal-Pulizija

L-Avukat Ġenerali Peter Grech reġa’ sostna fil-Qorti li r-rapport tal-inkjesta Egrant m’għandux jiġi ppubblikat b’mod sħiħ biex ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet li għaddejjin mill-pulizija u anke minħabba kontijiet bankarji ta’ terzi li jissemmew fl-inkjesta. Dr Grech qal dan waqt it-trattazzjoni fil-kawża li fetħalu l-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant.

Inkjesta li sabet li saret gidba fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, martu u familtu meta ġie allegat li l-kumpanija Egrant hija tal-familja Muscat. Bl-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil mexxa kampanja fuq din il-gidba ċċertifikati fil-konfront tal-Prim Ministru u martu.

L-Avukat Ġenerali ċaħad li l-uffiċċju tiegħu mexa b’mod irregolari meta ma tahx koppja tal-inkjesta sħiħa u sostna li l-Kap tal-Oppożizjoni ma inkisirlu l-ebda dritt fundamentali.

Spjega li l-Prim Ministru ngħata kopja tal-inkjesta għax kien hu l-persuna li talabha. Żied li kienet importanti li jingħatalu r-rapport sħiħ, anke minħabba d-delikatezza kostituzzjonali.

Fit-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat ta’ Delia, Vincent Galea, tefa’ pressjoni fuq il-Pulizija sabiex tlesti l-investigazzjonijiet b’rabta mal-inkjesta Egrant.

Quddiem l-Imħallef Robert Mangion, l-Avukat Galea staqsa iktar minn darba kemm se jdumu dawn l-investigazzjonijiet li qegħdin isiru mill-Pulizija għax skontu qegħdin fi stat ta’ inċertezza. L-Avukat ta’ Delia qal li kieku jingħata kopja, il-kap Nazzjonalista ma kienx se jħalliha fil-but.

Huwa oġġezzjona għall-fatt li l-Pulizija għandhom l-inkjesta Egrant sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom li skont sorsi huwa proċess twil u rigoruż.

Mill-inkjesta ħareġ, fost fatti oħra, li l-firem kienu ġew iffalsifikati. Dan kien stabbilt wara analiżi minn ditta forensika Ingliża,bil-persuna li tagħha kienet tidher il-firma, tiddikjara taħt ġurament li ma kinitx hi li ffirmat id-dokumenti.

Fit-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali qal li huwa normali li inkjesta, speċjalment inkjesta li tordna li jkomplu l-investigazzjonijiet, tmur għand il-Pulizija bħal kull inkjesta oħra. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li wkoll xehed f’din il-kawża, kien sostna li huwa jibqa’ tal-opinjoni li l-inkjesta Egrant għandha tiġi ppublikata kollha sakemm jiġu mħarsa terzi persuni li ssemmew fiha u li mhumiex pubbliċi u sakemm il-pubblikazzjoni ma ttellifx l-investigazzjonijiet tal-pulizija biex jinqabdu dawk li huma responsabbli mill-gidba li ntqalgħet fuqu u fuq martu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend