Kirurgu ordnat iħallas kumpens wara li kkawża diżabbiltà ta' 75% fuq pazjent waqt intervent mediku | One News

Notifiki

Kirurgu ordnat iħallas kumpens wara li kkawża diżabbiltà ta’ 75% fuq pazjent waqt intervent mediku

Kirurgu kien ordnat iħallas aktar minn €123,000 f’kumpens wara li mexxa operazzjoni biex jikkura problema f’dahar pazjent, iżda ħallih ipparalizzatt mill-għonq ‘l isfel.

Lawrence Mercieca, il-pazjent li meta saret l-operazzjoni kellu 56 sena, sofra 75% diżabbiltà f’Lulju tal-2001 meta saret operazzjoni f’daharu mmexxija mill-kirurgu Antoine Zrinzo.

Il-Qorti semgħet kif il-pazjent ikkonsulta mal-kirurgu, li qallu li qed isofri xi irregolaritajiet fis-sinsla ta’ daharu. Huwa ordna li ssirlu MRI biex tikkonferma l-kundizzjoni qabel mal-pazjent intbagħat jagħmel l-operazzjoni.

Jidher li l-pazjent kien infurmat li l-operazzjoni, li kellha ddum erba’ sigħat, ma kienet se timponi ebda riskji fuqu, iżda l-kirurgu ċaħad li qal dan. Il-Qorti, fil-fatt, qalet li ma temminx li l-pazjent kien jaf x’riskji kien se jaffaċċja.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll rapport minn espert barrani dwar il-każ, li qal li l-proċedura medika li kien qed imexxi l-Kirurgu Zrinzo kienet waħda ‘storika’, iżda kienet deċiżjoni negliġenti min-naħa tiegħu meta wieħed jikkunsidra l-kundizzjoni tal-pazjent.

Jidher ukoll li l-pazjent kellu pressjoni għolja qabel l-operazzjoni li kienet ikkontrollata bil-mediċini. Intqal kif is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha waqt l-operazzjoni, għaliex kompliet tinżel il-pressjoni tal-pazjent. Hawnhekk, it-tobba ma kellhomx għażla oħra ħlief li jagħtuh mediċina li twaqqaf l-effett tal-mediċina li ngħata fil-bidu.

Il-Kirurgu Zrinzo ma nżammx responsabbli tal-kumplikazzjonijiet li setgħet ikkawżat il-pressjoni ta’ Mercieca, iżda kien ikkritikat minħabba li ma marx jara lill-pazjent wara l-operazzjoni, li kellu saqajh it-tnejn ipparalizzati.

Il-Qorti ddikkjarat li Zrinzo ddevja minn proċeduri ġenerali u approvati, u kkawża diżabbiltà ta’ 75% fuq pazjent. Huwa flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Saħħa, li huwa l-imgħallem tal-akkużat, kien ordnat iħallas €123,383 f’danni lil Lawrence Mercieca.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend