Tisskota l-konsultazzjoni dwar l-uniformi kif inhi jew tracksuit tal-iskola – One News

Notifiki

Tisskota l-konsultazzjoni dwar l-uniformi kif inhi jew tracksuit tal-iskola

Il-ġenituri u edukaturi ta’ studenti tal-iskejjel tal-istat se jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-uniformijiet ta’ wliedhom fit-tieni fażi ta’ konsultazzjoni li nfetħet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-ġenituri se jagħtu l-opinjoni tagħhom ukoll dwar jekk humiex favur uniformi kif inhi bħalissa jew tracksuit tal-iskola komda u sportiva.

L-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni li tħejjiet fost l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji ipparteċipaw 1,605 studenti minn madwar 21 skola differenti. 91% minnhom wieġbu li huma favur tracksuit komda u sportiva, u 5% għażlu l-uniformi kif inhi bħalissa.

Fit-tieni parti tal-ewwel fażi tal-konsultazzjoni ħadu sehem mat-300 student minn 20 skola primarja.  85% tagħhom għażlu tracksuit komda u sportiva, filwaqt li 15% qalu li jixtiequ jibqgħu bl-uniformi kif inhi bħalissa.

Jekk jiġi deċiż li tracksuit biss tkun l-uniformi tal-istudenti, il-Ministeru se jintroduċi l-uniformi l-ġdida b’mod gradwali, biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri.

It-tieni fażi tal-konsultazzjoni se tkun miftuħa mit-Tnejn 11 ta’ Marzu u tibqa’ għaddejja sat-Tnejn 18 ta’ Marzu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend