“Aħdmu u tirnexxu … għax kull mara hija kapaċi.”
Dan kien l-appell tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca lill-kandidati nisa li f’Mejju li ġej se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Uħud mill-kandidati nisa s-Sibt filgħodu, fl-okkazzjoni ta’ Jum il-Mara, ipparteċipaw f’attività organizata minn Empower – pjattaforma fil-fondazzjoni tal-President.
Il-President ta’ Malta qasmet magħhom l-esperjenza tagħha fil-ħajja pubblika, filwaqt li ħeġġet lill-kandidati nisa biex ma jaqtgħux qalbhom.
Appellat sabiex bil-kandidatura tagħhom juru li n-nisa għandhom il-ħiliet li hemm bżonn, sabiex ikomplu javvanzaw.
Il-President ta’ Malta qalet li fadal ħafna x’jsir sabiex ikollna aktar nisa fil-ħajja politika.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet: “Progress pajjiżna għamel. Imma mhux biżejjed u mhux rifless fir-rappreżentanza tan-nisa fil-ħajja politika”.
Madanakollu, innotat li hawn ir-rieda politika sabiex iktar nisa ikunu imħeġġa jipparteċipaw fil-ħajja politika.
Il-President ta’ Malta qalet li għax kien hawn ir-rieda politika – aktar nisa ġew inkoraġġuti jidħlu fid-dinja tax-xogħol, anke permezz ta’ miżuri bħaċ-childcare b’xejn.
Qalet ukoll li kien hawn ir-rieda politika biex aktar nisa ikunu f’karigi. Hawnhekk tat l-eżempju li fil-membri tal-ġudikatura żdiedu in-nisa.
Hija kompliet billi qalet: “Jien ferħana li għandna r-rieda politika u għamilt appell propju biex jingħaqdu u ma jkunx hemm diviżjoni politika. Imma nsibu kompromess kif se nnaqqsu dan id-defiċit”.
Il-President ta’ Malta irringrazzjat lil dawn in-nisa talli se jipparteċipaw f’dawn l-elezzjonijiet, u appellat biex dejjem jibqgħu determinati, sabiex jaslu fejn iridu jaslu.