Il-Ministeru għall-Finanzi laqa’ d-data ppubblikata mill-NSO li wriet li l-ekonomija Maltija kibret b’6.6% fl-2018.
Din l-informazzjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-iktar ekonomija b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea.
“It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-2018 qabeż l-aspettattivi minħabba li t-tkabbir fil-GDP kien għola minn dak immirat mill-Ministru għall-Finanzi, l-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u diversi Aġenziji Internazzjonali tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”.
Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt Konferenza Stampa fil-Ministeru għall-Finanzi l-belt Valletta.
Għall-perjodu ta’ 6 snin jiġifieri mill-2013 sal-2018, it-tkabbir kien ta’ medja ta’ 7.1%, li jaqbeż il-medja miksuba f’dawn l-aħħar deċennji.
It-tkabbir ekonomiku dan l-aħħar 6 snin kien it-triplu ta’ dak miksub fil-perjodu preċedenti ta’ bejn l-2007-2012.
“Bi pjaċir inħabbar li pajjiżna storikament kiseb tkabbir ekonomiku għola minn dawn l-aħħar 6 snin. Dan se jiżgura li l-familji Maltin u Għawdxin se jkollhom livell ta’ ħajja aħjar”, qal il-Ministru Scicluna.
Matul l-2018, it-tkabbir ekonomiku kompla jikber fis-setturi kollha u laħaq €832,000,000. Dan inkluda l-oqsma tal-arti, d-divertiment u s-settur tar-rikreazzjoni fosthom l-igaming, l-agrikultura u s-settur tas-sajd.
Oqsma importanti fis-settur privat irreġistraw tkabbir fis-setturi professjonali, xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi, il-finanzi, l-assigurazzjoni u s-setturi tal-kostruzzjoni.
Kien hemm ukoll tkabbir fis-settur tal-manifattura fejn il-valur miżjud gross kiber bi 8.3 % fl-2018.
B’hekk, is-sena li għaddiet il-GDP kiber bi 8.9 %.
Is-salarji żdiedu u kien hemm l-inqas rata ta’ qgħad kif ukoll rata għolja ta’ impjieg b’mod partikolari fejn jidħlu n-nisa.
L-esportazzjoni ikkontribwiet ukoll għal dan it-tkabbir ekonomiku.