Ir-rebbieħa tal-isportivi nazzjonali jiltaqgħu mal-President ta' Malta | One News

Ir-rebbieħa tal-isportivi nazzjonali jiltaqgħu mal-President ta’ Malta

Il-Ħamis wara nofsinhar ir-rebbieħa tad-59 edizzjoni ta’ l-iSportivi Nazzjonali kienu mistiedna l-Palazz San Anton sabiex jiġu ppreżentati lill-E.T. il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Jakkumpanjaw lil dawn l-atleti kien hemm ic-Chairman tal-Kumitat Organiżattiv u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar kif ukoll il-President u s-Segretarju Ġenerali ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef u Lorraine Cunningham.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kordjali kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat l-Onorevoli Clifton Grima u l-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-iSport l-Onorevoli Ryan Callus.

Kemm Mark Cutajar kif ukoll Sandro Micallef irringrazzjaw lil-President talli sabet il-ħin li tiltaqa ma’ dawn ir-rebbieħa li onoraw lil Malta bis-suċċessi sportivi tagħhom u li l-akkwisti tagħhom kienu rikonoxxuti bl-unuri li rebħu waqt is-serata finali ta’ l-iSportivi Nazzjonali.

SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sport ħadu wkoll l-okkażżjoni jirringrazzjaw lill-E.T. Marie Louise Coleiro Preca talli inkludiet l-iSport fl-attivitajiet organizzati mill-Malta Community Chest Fund u filwaqt li speraw li dawn l-attivitajiet jibqaw jiġu organiżżati urew id-disponibilta li jagħtu l-istess għajnuna lis-suċċessur tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend