Irridu li din is-sena tkun waħda ta’ aktar suċċess għan-nisa, b’mod speċjali għal dawk li jixtiequ jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika u politika”, qalet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet li l-gvern se jkun qed jagħmel il-pass storiku biex jiddaħħlu miżuri pożittivi sabiex ikollna aktar nisa fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament ta’ Malta. Hija saħqet li bħalissa l-Gvern għaddej b’ħidma biex fiż-żmien li ġej jitpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika dokument li ħejja l-Kumitat Tekniku tar-Riforma li ilu jaħdem fuqu ftit inqas minn sena, skont kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali .
Hija saħqet li wara 72 sena minn meta l-mara ngħatat id-dritt li tivvota, għadna fi problema fejn ir-rappreżentanza parlamentari baqgħet waħda baxxa immens—b’hekk, issa jmiss li nindirizzaw din il-problema. Is-Segretarju Parlamentari qalet li dan qed nagħmluh ukoll għaliex dan ma jagħmlilniex ġieħ fl-isfera internazzjonali.
Minkejja dan, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet li llum ġurnata ta’ suċċess għan-nisa minħabba l-iżviluppi b’saħħithom f’bosta oqsma oħra, bħar-rata tan-nisa f’impjiegi u r-rata ta’ nisa fl-edukazzjoni terzjarja.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi qalet li tħares ’il quddiem biex fiż-żmien li ġej għal darb’oħra nerġgħu niktbu l-istorja.