Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-kampus tal-Università Amerikana f’Malta f’binja storika fil-Baċir Numru Wieħed f’Bormla.
Fl-aħħar sentejn, il-binja ġiet trasformata f’faċilità edukattiva state of the art b’investiment ta’ aktar minn €25 miljun.
Il-kampus tal-AUM f’Bormla ġie mgħammar bl-aqwa faċilitajiet fosthom swali tat-tagħlim u laboratoriji tal-aqwa livell.
Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-università fetħet il-bibien tagħha wara proċess rigoruż ta’ skrutinju li sar mill-Kumissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.
Waqt li sostna li dan il-proġett se jħalli bosta effetti pożittivi fuq l-ekonomija u ż-żona tal-kottonera, Dr Muscat qal li waqt li jisma’ kritika kostruttiva, hija ħasra li saru dikjarazzjonijiet foloz u prematuri dwar dan l-investiment.
Sostna li l-AUM qed tirrispetta l-impenn tagħha dwar l-istudenti u l-kuntratt li għandha mal-Gvern li jistipula li l-fażijiet kollha tal-proġett jitlestaw sal-elfejn u ħamsa u għoxrin.
Semma li l-Università rċeviet mijiet ta’ applikazzonijiet minn studenti biex jibdew jistudjaw magħha mis-semestru li ġej.
Dr Muscat xejjen ukoll dikjarazzjonijiet li din l-Università m’għandha xejn Amerikan u sostna li pajjiżna hu miftuħ għall-investiment inkluż dak mill-Ġordan.
Dwar il-kampus tal-AUM f’Wied il-Għajn, Dr Muscat qal li l-Gvern sema l-kritika ġenwina li saret fl-istadju inizjali tal-proġett.
“Dak diġà għedna l-ewwel irridu nlestu hawnhekk u naraw li qed jissodisfaw il-kriterji tagħhom u naraw li qed nimxu l- quddiem ikun mimli hawn bħala post imbagħad nimxi kif għidt fid-diskors tiegħi dwar iż-Żonqor – infakkar li l-area fiż-żonqor naqqasniha bi 80%,” qal il-Prim Ministru.
Il-President tal-Università Amerikana f’Malta Louis Walker qal li qed issir ħidma biex l-Università li fil-preżent għandha mal-mitt student minn madwar ħamsa u għoxrin pajjiż, tiġbed lejn Malta aktar studenti għall-korsijiet li qiegħda toffri.
“We’ll continue to develop our programes and coninue to develop our relationship with the maltese industry, gov association, chamber of commerce, and we’ll look to be involved in projects,” qal is-Sur Walker.
Matul l-inawgurazzjoni huwa qal li l-AUM stabbilit programmi ġodda ta’ studju u se tkun qed tirdoppja l-istaff akkademiku tagħha. Qal li l-univesità amerikana f’Matla mhux biss qed tħares x’għamel ħaddieħor, iżda qed toħloq mudell li oħrajn mistenni jsegwi fil-ġejjieni tagħhom.