L-Awtorità Maltija għal-Logħob iffirmat ftehim mal-Awtorità Żvediża għall-Logħob tal-Azzard biex isaħħu l-koperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet.
L-għan tal-ftehim hu li jħaffef il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet, u jappoġġja l-qsim ta’ informazzjoni fuq bosta kwistjonijiet.
Iż-żewġ awtoritajiet qablu wkoll li jipprovdu l-aqwa għajnuna operazzjonali b’mod kontinwu, skont il-proċeduri u l-policies regolatorji.
Id-Direttur Ġenerali tal-Awtorità Żvediża, Camilla Rosenberg, qalet li ħafna mill-kumpaniji li rċivew liċenżja Żvediża għandhom ukoll tagħmir tekniku u liċenzja f’Malta. Għaldaqstant, b’komunikazzjoni aħjar bejn iż-żewġ awtoritajiet, tissaħħaħ is-superviżjoni.
Tenniet li dan hu l-bidu ta’ koperazzjoni wiesgħa u fit-tul.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għal-Logħob Maltija, Heathcliff Farrugia, qal li jinsab sodisfatt b’dan il-ftehim, u sostna li l-Awtorità dejjem tfittex li ssib u ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ awtoritajiet u entitajiet internazzjonali oħra, hekk kif dawn ir-relazzjonijiet huma ċ-ċavetta biex l-istess Awtorità tilħaq l-għanijiet tagħha, l-iktar fejn jidħol remote gaming.