B’investiment ta’ €100,000 ġie inawgurat it-tielet child care centre San Luigi f’Ħal Lija. Iċ-ċentru se jilqa aktar minn ħamsin tifel u tifla minn trabi ta’ twelid sa tliet snin.
Ma’ ONE NEWS, Charmaine Caruana, id-direttriċi ta’ San Luigi childcare spjegat kif din ix-xewqa li tiftaħ dawn iċ-ċentri nibtet fl-elfejn u ħmistax, wara li tilfet lil binha LUIGI ta’ ħames xhur. Qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva, xtaqet tħalli legat ta’ binha fost it-tfal:
“Jiena tlift tifel ta’ hames xhur u kien ha jkun jismu Luigi u xtaqt nibni xi haga biex dat-tifel jibqa jissemma fit-tfal ghal dejjem,” qalet id-Direttriċi.
F’erba’ snin, is-Sinjura Caruana bdiet mix-xejn u rnexxielha tniedi negozju żgħir u tiftaħ ċentri b’investiment ta’ aktar minn tlett mitt elf ewro. Preżentament, aktar minn sebgħin tifel u tifla jagħmlu użu minnhom fin-Naxxar, f’San Ġwann u issa anke f’Ħal Lija.
“Hija skema tajba immens. Tghinhom hafna ghaliex jahdmu 40 hours fil-gimgha l gvenr jiccoverjahom 45 hours fil-gimgha biex huma jkunu komdi jistghu iwaslu t tfal u jmorru ghalihom biex jippickjawhom. Plus dawk itihom 25% extra ghall-absence entitelemnt u jkollhom 10% extra fuq il-booked hours- jekk ikunu damu iktar ix-xoghol ikunu covered mill-gvern,” hija kompliet tgħid.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.
Dr Muscat faħħar inizjattiva ta’ din ix-xorta li negozju żgħir qiegħed ikun ta’ għajnuna għall-familji li qegħdin jibbenefikaw minn sistema ta’ Child Care b’xejn offruta minn dan il-Gvern li mhux biss qed jinkoraġixxi aktar ġenituri sabiex joħorġu jaħdmu, imma wkoll qed jiffrankaw ħafna flus.