Il-kumpanija Liquigas qalet li d-dettalji tal-aħħar żewġ inċidenti li involvew il-gass kif ixxandru f’xi mezzi tax-xandir, sfortunatament ma kinux korretti. Il-kumpanija qalet dan peress li fl-ebda każ minnhom ma kien hemm xi splużjoni ta’ ċilindru. Inċident minnhom kien ir-riżultat ta’ apparat difettuż u l-ieħor seħħ għaliex il-pajp kien maqsum. L-ewwel każ mit-tlett inċidenti riċenti jinsab taħt investigazzjoni maġisterjali u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem dwaru qabel ma tintemm l-inkjesta, spjega kelliem ta’ Liquigas Malta.
Fi stqarrija il-kumpanija qalet li ċ-ċilindri kollha, ħodor u sofor ta’ Liquigas, jimtlew fil-faċilità moderna f’Bengħajsa b’investiment ta’ €25 miljun. Hemmhekk, kull ċilindru jkun ittestjat individwalment qabel ma jitqassam fis-suq. B’mod regolari, iċ-ċilindri huma ukoll ittestjati u ċċertifikati mit-TUV, li hi l-assoċjazzjoni ta’ spezzjonijiet tekniċi li twettaq ittestjar skont standards u direttivi internazzjonali li huma approvati minn marki ewlenin ta’ kwalità u sigurtà.
L-awtoritajiet Maltin ukoll jissorveljaw l-operat tal-mili taċ-ċilindri, u dejjem sabu li ċ-ċilindri ta’ Liquigas jikkonformaw mar-regolamenti kollha.
Liquigas ħeġġet lill-konsumaturi biex jiżguraw li kull apparat li jitħaddem bil-gass jinżamm f’kundizzjoni tajba, kif għandhom ikunu ukoll kull regolatur u pajp tal-gass (rubber hose).
Il-kumpanija qalet li xi regolaturi fis-suq mhumiex ta’ kwalità tajba. Fi kwalunkwe każ, saħqet li r-regolaturi għandhom jinbidlu kull 10 snin. Ir-regolatur il-qadim għandu jintrema minnufih biex qatt ma jerġa’ jintuża jew jerġa’ jkun installat. Ir-regolaturi huma magħmulin mill-manifatturi b’mod preċiż biex jikkontrollaw il-pressjoni tal-provvista, u għalhekk ma għandhomx ikunu mbgħabsa jew aġġustati b’xi mod jew ieħor.
Qalet ukoll li għandhom ikunu installati biss pajpijiet maħduma apposta biex iservu ta’ pajp tal-gass. Dawn għandhom ikunu ċċekkjati regolarment għal xi possibilta’ ta’ xquq u, barra minn hekk, għandhom jinbidlu kull ħames snin.
Bħal kull fjuwil ieħor, il-gass hu sigur sakemm jintuża sewwa. Jekk ikun hemm suspett ta’ ħruġ ta’ gass, il-gass għandu jingħalaq immedjatament u r-regolatur jitneħħa minn fuq il-valv taċ-ċilindru. Għandhom jinfetħu il-bibien u t-twieqi kollha biex ikun hemm ventilazzjoni tajba.
Fil-każ ta’ ċilindri ta’ Liquigas, il-kumpanija qalet li l-klijenti huma mħeġġa jivverifikaw li dawn ikollhom is-siġill bil-marka Liquigas. Fuq kull siġill hemm in-numru tas-serje għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità bil-kliem “Liquigas” fuqu. Dan is-siġill joffri serħan tal-moħħ lill-klijenti peress li juri li ċ-ċilindru kien ittestjat u mimli kif suppost fil-faċilità ta’ Liquigas, u għalhekk għandu l-garanzija tal-kwalità.
Minn żmien għall-ieħor, Liquigas qalet li tqassam fuljetti ta’ tagħrif fid-djar biex dejjem ikun hawn għarfien dwar kif persuna għandha tuża ċilindri tal-gass.