Hekk sewwa u xieraq | One News

Notifiki

Hekk sewwa u xieraq

Dr George Vella huwa bniedem li ma jinbidel qatt.  Dawk li huma prinċipji tas-sewwa għalih ma humiex taċ-chewing gum, jiġġebdu ‘l hawn u ‘l hemm.  Jien nafu kemm professjonalment bħala tabib u aktar u aktar bħala bniedem fil-politika, mingħajr ma kien politikant. Id-differenza hija li meta tkun politiku tiswa għal dak li tgħid u tagħmel, il-ħsibijiet tiegħek u tara kif jistgħu jitwettqu,  u fuq kollox tagħti l-eżempju. Il-politikant ikun fil-politika, imma għall-vot ma hemmx kelma oħra aħjar milli tgħid “jitqaħħab”.

Fuq il-mediċina ma kienx jitmejjel bin-nies. Faċli ħafna. Li tbella’ mediċini kemm jiflaħ u anke meta ma jiflaħx aktar il-bniedem. Kien dejjem jistudja u jipperfezzjona t-tagħlim tiegħu,  u għalkemm GP, ma kienx jagħti mediċini bla bżonn, u ma jafx x’se jiġri wara.

Imma bħala tabib fil-politika ma kienx għall-vot jinxtara billi jmur xi ħadd għandu ħalli jagħmel ċertifikat li jkun gidba mill-bidu sal-aħħar. Ħadd ma kien jgħid li tmur għand Dr George Vella ħalli jagħmillek ċertifikat li marid u tmur għall-kaċċa flok ix-xogħol. Insemmi ħwejjeġ żgħar hekk, għax juru l-personalità tal-bniedem.

Fil-politika dejjem żamm ruħu ‘l bogħod minn tgħajjir fil-vojt, u dejjem kien ifittex li argument jiġġieldu b’argument, qatt ma jinfexx fil-persuna tal-avversarju.  Bħala ministru tal-affarijiet barranin, għamel ukoll il-marka tiegħu,  għax ma kienx mejda tal-qubbajd, u kien ifittex li l-kuntatti tiegħu dejjem ikunu siewja u b’lealtà.

U għadda ħsieb minn moħħi. Riċentement ħa dekorazzjoni mingħand ir-Reġina Eliżabetta.  L-uniċi żewġ presidenti li kellhom dekorazzjoni mir-Reġina kienu Sir Anthony Mamo u Dr George Vella. U nara xebh kbir bejn il-karattru ta’ Sir Anthony,  li jien kont naf mill-qrib,  u Dr George Vella, li naħseb li xi ftit nafu.

Persważ ukoll li se jkollu miegħu spalla siewja u li dejjem kienet hemm. Qed ngħid għal martu, Miriam.

Minn hawn u ftit ieħor, Dr George Vella jieħu l-ġurament.  Ma nistax ngħidlu iżjed “sieħbi”, imma rrid ngħid li huma “tagħna lkoll”.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend