ARA: Rapport tal-UE jikkonferma l-livell tajjeb ta’ saħħa f’pajjiżna – One News

Notifiki

ARA: Rapport tal-UE jikkonferma l-livell tajjeb ta’ saħħa f’pajjiżna

Il-poplu Malti u Għawdxi jikklassifika fl-ogħla postijiet fl-Unjoni Ewropea għal tul ta’ ħajja. Fil-fatt sas-sena 2016 il-medja li jgħixu l-Maltin u l-Għawdxin kienet ta’ aktar minn 82 sena. Fl-aħħar ħames snin l-età telgħet bi ftit inqas minn sentejn – id-doppju taż-żieda reġistrata bħala medja tal-Unjoni Ewropea.

Dan joħroġ mir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea – Country Report 2019 – ippubblikat fil-jiem li għaddew. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li matul is-sena 2017 aktar minn tliet kwarti tal-populazzjoni Maltija rrappurtaw li jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba li hu ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea reġistrata bħala 68%. Madanakollu, minkejja l-isforzi kontinwi għall-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja sana u biex tonqos l-inċidenza ta’ mard kroniku, Malta għadha tirreġistra rati għoljin ta’ obeżità fost l-adulti u t-tfal.

Mir-rapport joħroġ ukoll li matul is-sena 2017 kienu biss 0.4% tal-populazzjoni li rrappurtaw li ma nqdewx fi bżonnijiet ta’ kura medika provduta mill-Istat paragunat mal-medja tal-Unjoni Ewropea li kienet ta’ 2.9%.

Ir-rapport jinnota l-livell għoli ta’ rikorrenza volontarja għal servizzi privati ta’ kura medika li hu ta’ 27% paragunat mal-medja ta’ 15% reġistrata fl-Unjoni Ewropea. Madanakollu r-rapport stess jinnota li filwaqt li dan il-persentaġġ (27%) jikkuntrasta ħafna ma’ dawk li rrappurtaw li ma nqdewx mis-servizz mediku tal-Istat (0.4%) ma jidhirx li hu xi barriera għall-aċċess ta’ kura f’Malta.

Ġie nnutat titjib ukoll f’dawk li huma listi ta’ stennija għal servizz mediku mill-Isptar Mater Dei madanakollu r-rapport jinnota li f’ċerti speċjalitajiet ta’ kura l-lista ta’ stennija għadha pjuttost twila u jagħmel rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.

Titjib sinifikattiv hu nnutat ukoll fir-rapport f’dak li jirrigwarda investimenti fl-infrastruttura tal-kura primarja bit-tkomplija ta’ diċentralizzazzjoni ta’ servizzi mediċi mill-isptarijiet tal-Istat għaċ-ċentri tas-saħħa. Hu nnutat ukoll li l-ispiża fuq kura fit-tul hi konċentrata fuq kura istituzzjonalizzata.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima sodisfazzjon kbir għal dan ir-rapport li fi kliemu jikkonferma l-pożizzjoni għolja li kiseb pajjiżna fil-qasam tas-saħħa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend