Qbil biex il-President tibqa' tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà | One News

Notifiki

Qbil biex il-President tibqa’ tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà

Il-Gvern permezz tal-Kabinett irringrazzja lill-President ta Malta Marie-Louise Coleiro Preca għall-ħidma bla waqfien tagħha tul dawn il-ħames snin li għamlet fil-kariga bħala d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta.

Qal li tul il-Presidenza baqgħet man-nies u qrib sew tan-nies. Il-Kabinett innota wkoll il-ħidma tal-President f’oqsma oħra li ħallew frott u ġid lill-pajjiz u lill-poplu. Il-Gvern qal li l-Kabinett ħass li dan is-sehem tal-President Coleiro Preca m’għandux jieqaf mat-tmiem tal-ħatra tagħha bħala President f’April li ġej u b’konsultazzjoni magħha ġie deċiz li mat-tmiem tal-ħatra tagħha ta’ President tibqa’ tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjeta li hi stess waqqfet kemm ilha tokkupa l-ħatra ta’ President ta’ Malta.

Il-Gvern qal li din il-Fondazzjoni se tkun qed iżżomm l-awtonomija tagħha biex tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha u tingħata wkoll ir-riżorsi li tħaddem preżentament biex fil-fatt taqdi dawn l istess funzjonijiet.

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà għandha l-għan li tipproduċi riċerka relevanti, xierqa u fil-ħin billi tfittex metodoloġiji innovattivi sabiex tippromwovi l-paċi u l-unità fost is-soċjetà. L-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, uriet l-intenzjoni tagħha li twaqqaf fondazzjoni ddedikata għall-promozzjoni tal-ġid hekk kif ħadet il-kariga f’April 2014.

Intant din ġiet imwaqqfa uffiċjalment mal-iffirmar tal-Istat tagħha fil-25 ta’ Ġunju 2014, fil-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta. Aktar informazzjoni fuq il-Fondazzjoni tinstab fuq is-sit http://www.pfws.org.mt

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend