Il-Gvern Malti huwa l-pijunier ta’ inizjattiva ġdida għal pjattaforma Ewropea li biha l-pajjiżi jimmasimizzaw iktar programmi ta’ fondi Ewropej ġodda taħt il-baġit Ewropew li jmiss għall-perjodu ta’ wara 2020.
Hekk ħabbar is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia waqt dibattitu bejn Ministri ta’ membri stati li jappoġġjaw il-politika ta’ koeżjoni.
Din l-inizzjattiva se sservi bħala pjattaforma kollaborattiva bejn membri stati u ttejjeb il-potenzjal tal-programmi ta’ fondi diretti bħal m’huma Digital Europe, LIFE, u Erasmus+.
F’Dubrovnik, is-Segretarju Parlamentari qal li Malta temmen li dawn il-fondi jindirizzaw b’ mod partikolarli l-isfidi ta’ natura soċjali u ekonomika fuq livell reġjonali.
Dan għaliex il-fondi jistgħu jiġu aġġustati skont il-bżonnijiet u partikolaritajiet ta’ kull reġjun, b’approċċ li verament jirrifletti ir-realtajiet territorjali u l-istrutturi soċio-ekonomiċi tal-membri stati.
Il-politika ta’ koeżjoni – ċioe l-istrateġija tal-UE li tappoġġja l-izvilupp armonjuż bejn membri stati – fl-aħħar mill-aħħar kellha impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku u l-kompetitivita’ tal-membri stati.
Malta hija eżempju ċar ta’ kif il-fondi ta’ koeżjoni jistgħu iġibu riżultati u jkollom impatt sinifikanti fuq is-soċjetà, billi jintużaw biex fl-aħħar mil-aħħar itejbu l-livell tal-għixien u l-kwalità tal-ħajja permezz ta’ numru ta’ proġetti f’diversi setturi.
Madankollu, għad hemm dispartitajiet bejn il-membri stati u hemm bżonn ta’ iktar konverġenza bejn ir-reġjuni li tmur lil’hinn mill-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali, qal Farrugia.
Il-konferenza ‘Friends of Cohesion’ hija sinifikanti fil-kuntest tas-sitwazzjoni politika preżenti fl-Unjoni Ewropea rigward id-diskussjoni tal-baġit Ewropew u l-futur tal-politika ta’ koeżjoni.
Is-Segretarju Parlamentari riċentament ħabbar li wasal iż-żmien biex Malta timmassimizza l-użu ta’ programmi ta’ fondi diretti, filwaqt li tassigura li tkompli tonfoq il-fondi strutturali b’għaqal. Għal dan il-għan, iktar tard din is-sena se jitwaqqaf unit ġdid għal immaniġġjar tal-fondi diretti, taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat Parlamentari.