Imniedi l-festival kulturali Gaulitana bit-tema: Il-Mara fis-soċjetà | One News

Notifiki

Imniedi l-festival kulturali Gaulitana bit-tema: Il-Mara fis-soċjetà

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-festival popolari Gaulitana. Dan il-festival, mifrux fuq xahar, se jitratta t-tema ‘Il-Mara fis-Soċjetà’.

Waqt l-indirizz tagħha, il-Ministru Caruana qalet li dan il-festival, li hu wieħed stabbilit, għandu importanza mhux biss reġjonali imma anke nazzjonali u xhieda ta’ dan hi l-kollaborazzjoni li jinkludi dan il-festival ma’ diversi għaqdiet u stakeholders li jvarjaw mill-gvern għal għaqdiet volontarji. “Dan juri kif il-kultura m’għandhiex barrieri u hi mezz kif tgħaqqad bosta entitajiet biex jintlaħaq għan wieħed”, qalet il-Ministru Caruana.

Il-Ministru għal Għawdex faħħret ukoll l-inizjattivi edukattivi li l-festival jorganizza biex iwassal aktar tgħarif dwar il-kultura fl-aspetti varji tagħha.  Justyne Caruana tenniet li festival bħal Gaulitana hu element b’saħħtu li jkompli jgħolli d-dimensjoni kulturali b’saħħitha li għandna f’Għawdex, u li l-ministeru qed jinvesti fiha biex Għawdex ikompli jattira lejh aktar viżitaturi u jiġi promoss bħala destinazzjoni distinta matul is-sena kolla.

Iċ-Chairman ta’ Arts Council Malta Albert Marshall faħħar l-impenn li d-diriġenza tal-festival Gaulitanaqed tħaddan, u dan għaliex qed jirnexxilha tgħaqqad bosta elementi flimkien, inkluż dawk kummerċjali. Hu qal li dan jassigura li festivals u attivitajiet bħal dawn ikunu aktar motivati u ma jiddependux biss minn fondi pubbliċi.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Festival, is-Surmast Colin Attard, ta rendikont dettaljat tal-bosta attivitajiet li se jkun qed jorganizza dan il-festival madwar Għawdex kollu inkluż f’siti importanti bħall-Ġgantija u ċ-Ċittadella. Is-Surmast Attard qal li l-qofol ta’ dan il-festival se tkun l-opra Manon Lescaut, li se terġa titella’ f’Għawdex wara nuqqas ta’ 22 sena bil-parteċipazzjoni tas-soprana Miriam Gauci.

Gaulitana se jsir bejn it-8 ta’ Marzu u s-7 ta’ April 2019.

Gaulitana huwa parti mill-Gozo Cultural Support Programme tal-Arts Council Malta, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista jżur is-sit http://visitgozo.com jew http://gaulitanus.com

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend