Għada jibda r-Randan – One News

Notifiki

Għada jibda r-Randan

Għada l-Erbgħa, 6 ta’ Marzu 2019, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

L-Arċisqof  Charles  J.  Scicluna  ser  jiċċelebra  l-Quddiesa  Stazzjonali  ta’  Ras  ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6:30 p.m. Il-Quddiesa tinkludi t-tberik u t-tqegħid  tal-irmied.  Dawk  kollha  li  jaħdmu  l-Belt  Valletta  jew  jinzertaw  il-Belt  huma mistiedna jattendu.

Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu  l-obbligu  jastjeni  milli  jiekol  laħam  jew  ikel  ieħor  li  jogħġbu  ħafna.  Filwaqt  li tinkuraġġixxi  l-penitenza  fi  żmien  ir-Randan,  il-Knisja  tixtieq  tfakkar  li  fost  il-jiem  u ż-żminijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.

Il-Papa Franġisku, f’diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda, ħeġġeġ lill-Kattoliċi sabiex matul dan ir-Randan jirriflettu fuq kif jittrattaw lil dawk ta’ madwarhom: “Kif inġib ruħi ma’ nies oħra? Jiena ipokrita meta nitbissem lil xi ħadd u minn wara dahru nikkritikah u nkissru b’ilsieni?” staqsa l-Papa. Il-Papa qal ukoll li jekk jasal l-Għid il-Kbir u nkunu kkritikajna inqas  lill-oħrajn  u  naqqasna  z-zekzik,  “il-qawmien  ta’  Ġesù  jidher  aktar  sabiħ  u  ikbar fostna”.

Il-Papa tkellem ukoll dwar dan fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena fejn qal: “Insumu,   jiġifieri   nitgħallmu   nibdlu   l-imġiba   tagħna   mal-oħrajn   u   mal-ħolqien: mit-tentazzjoni  li  ‘nibilgħu’  kollox  biex  nissodisfaw  il-kilbiet  tagħna,  għall-ħila  li  nbatu għall-imħabba, li tista’ timla l-vojt tal-qalb tagħna. Nitolbu biex nagħrfu niċħdu l-idolatrija u  l-awtosuffiċjenza  tal-jien  tagħna,  u  nistqarru  li  aħna  fil-bżonn  tal-Mulej  u  tal-ħniena tiegħu. Nagħmlu karità biex nistgħu noħorġu mill-bluha li ngħixu u niġimgħu l-ġid kollu għalina  nfusna,  fl-illużjoni  li  b’hekk  se  niżguraw  futur  li  mhuwiex  tagħna.  Hekk  insibu mill-ġdid il-ferħ ta’ dak il-pjan li Alla qiegħed fil-ħolqien u fil-qalb tagħna, dak li nħobbu lilu, lil ħutna u lid-dinja kollha, u f’din l-imħabba nsibu l-vera hena”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend