Li naċċettaw lilna nfusna u s-sesswalità tagħna hija parti mill-mixja tagħna biex nikbru f’hajjitna u fil-grazzja ta’ Alla.
Kliem Christopher Vella, kordinatur fi DRACHMA – organizzazzjoni ispirata mill-fidi Kattolika u li tgħin persuni jintegraw is-sesswalità mal-fidi tagħhom.
Vella li huwa miżżewweġ lil Tyrone spjega li s-sesswalità mhix xi ħaġa ħażina jew perversa, imma don minn Alla li rridu ngħixuha b’mod integru u bilanċjat.
Saħaq illi tkun omosesswali ma jfissirx li tkun faċilment provokat sesswalment.
Tenna li l-omosesswalità mhix marda, imma realtà fin-natura tal-bniedem, li għandu jaċċetta biex ikompli jikber bħala persuna, u jikseb is-salvazzjoni.
Kellu messaġġ għal dawk li qed jiskopru s-sesswalità tagħhom, u lill-ġenituri tagħhom.
Ir-raġel ta’ Christopher, it-teologu Dr Tyrone Grima, spjega li l-insara għandhom ir-responsabiltà li jgħixu ħajja sinċiera u awtentika, inkluż fir-realtà tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Qal li l-kwotazzjonijiet mill-Bibbja fejn tidħol l-omosesswalità għandhom isiru b’reqqa, għax ir-realitajiet tal-lum u ta’ dak iż-żmien kienu differenti, u nkunu qed inwettqu interpretazzjoni inġusta tal-kelma t’Alla.
Biex ikompli jikber l-għarfien dwar il-ħsara ta’ proċeduri ta’ konverżjoni, DRACHMA qed torganizza attivitajiet, fosthom il-wiri tal-film ibbażat fuq storja reali ‘Boy Erased’ fid-9 ta’ Marzu, u workshop teatrali parteċipattiv bit-titlu Flourish from Oppression, li se jittella’ fis-sittax ta’ Marzu fiċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ ta’ Marsaxlokk.
Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ddikjarat prattiċi ta’ konverżjoni bħala illegali.
Dwar rappurtaġġi minn persuni li jgħidu li huma ex-gay, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni fakkar li f’pajjiżna prattiċi ta’ konverżjoni, kif ukoll ir-reklamar tagħhom huma illegali u jistgħu jġibu magħhom multa kif ukoll priġunerija.
Dan għax l-omosesswalità mhix marda, diżordi, jew anomalija; kif jikkonfermaw assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti, fosthom psikoloġi.